L-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika ħareġ stqarrija iebsa jiċċara dikjarazzjonijiet li saru b’rabta mal-proċeduri legali li qed isiru dwar l-inċident li ġara waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina fl-4 ta’ Ottubru 2015.
L-Uffiċċju tal-President fakkar kif b’referenza għal dan il-każ, il-President irrinunzjat minn jeddha l-immunità kostituzzjonali tagħha u għażlet li tixhed quddiem il-Qorti biex tippreżenta l-fatti kif tafhom.
“Iżda l-Uffiċċju tal-President irid jiċċara serje ta’ ineżattezzi dwar l-involviment ta’ dan l-Uffiċċju f’din l-attività li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-fatti,” intqal fl-istqarrija.
Kien spjegat li hu korrett li li l-attività Paqpaqli għall-Istrina mtellgħa bl-intenzjoni nobbli biex tiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation bdiet qabel ma l-President inħatret President ta’ Malta fl-2014.
“Iżda jrid jiġi nnutat li aktar milli inkoraġġiet lit-tim ta’ Paqpaqli għall-Istrina biex ikompli jiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation taħt il-patrunaġġ tagħha (bħalma tagħmel f’attivitajiet oħra ta’ fundraising mtellgħin minn terzi), il-President ma kellha assolutament l-ebda sehem fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività,” qalet l-istqarrija.
Fil-fatt, jirriżulta li l-President iltaqgħet f’okkażjoni waħda, f’Lulju 2015, mat-tim ta’ Paqpaqli għall-Istrina, meta attendiet parti minn laqgħa iżda ma ħadet l-ebda deċiżjoni sostantiva f’dan ir-rigward.
Intqal li lanqas ma assumiet xi rwol organizzattiv f’Paqpaqli għall-Istrina. “Kienet tkun irresponsabbiltà għall-Kap tal-Istat li tagħmel dan meta ma kellha ebda għarfien u kompetenza teknika fil-karozzi,” intqal b’mod dirett.
L-involviment tal-Malta Community Chest Fund Foundation f’Paqpaqli għall-Istrina kien strettament limitat għal sapport amministrattiv, endorsement, reklamar u biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-attività. “Kwalunkwe stqarrija b’kuntrarju għal dan hi qarrieqa u tgħawweġ il-verità,” kompla jingħad filwaqt li kien innutat li hu wkoll pertinenti li jiġi mistqarr li f’April 2015 – sitt xhur qabel l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina – ittieħed pass importanti biex tinħoloq distinzjoni ċara bejn l-Uffiċċju tal-President u l-Malta Community Chest Fund Foundation.
“Din il-bidla radikali fil-Malta Community Chest Fund ġiet riflessa fil-kostituzzjoni tagħha u dan peress li ġiet imwaqqfa formalment bħala fondazzjoni skont il-liġi. B’hekk, effettivament, id-dipendenza tal-Malta Community Chest Fund Foundation fuq il-Kap tal-Istat inbidlet kompletament ir-relazzjoni li qabel kienet teżisti bejn it-tnejn. Irid jiġi nnutat li l-Malta Community Chest Fund Foundation żammet l-irwol importanti bħala fundraiser u bħala benefiċjarju grat ta’ bosta inizjattivi bħal Paqpaqli għall-Istrina,” intqal fl-istqarrija.
L-Uffiċċju tal-President żied li minn meta seħħ dan l-inċident orribbli, l-oġġettiv ewlieni tiegħu kien li jesprimi solidarjetà mal-vittmi u biex jikkopera mal-awtoritajiet ħalli jiġi assigurat li jiġu stabbiliti l-fatti.
“Filwaqt li għandhom jiġu ċċarati l-impressjonijiet żbaljati li qamu, l-Uffiċċju tal-President jixtieq ukoll jappella lil kulħadd biex ma jintqalux ineżattezzi u inkorretezzi li ma jservu għal xejn ħlief li jostakolaw il-verità u biex issir ġustizzja vera,” intemm jingħad.