F’Jum ir-Repubblika, lejlet li Malta tieħu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-President tar-Repubblika għamlet messaġġ soċjali u favur l-ugwaljanza fejn irriflettiet dwar temi li jħarsu l-Maltin għax fi kliemha l-ħajja mhix suċċessi biss.
“Jien konvinta li jekk irridu li r-Repubblika tagħna tkompli fit-triq tal-maturazzjoni, jekk irridu nkomplu noħolmu li pajjiżna għad isir mudell eżemplari ta’ demokrazija u ġustizzja soċjali,” qalet il-President li poġġiet numru ta’ għażliet.
Qalet li “jekk se ninżlu fit-toroq, se nimxu favur ir-rikonċiljazzjoni, it-tama, is-solidarjetà u l-kollettività” u “jekk se nipprotestaw, se nipprotestaw kontra x-xenofobija, ir-razziżmu, l-esklużjoni soċjali u l-isfruttament tal-ħaddiem għall-profitt.”
Ma naqsitx referenza għad-drittijiet ġodda li qed jingħataw f’pajjiżna.
“Jekk se niċċelebraw, se nifirħu b’aktar drittijiet ċivili, b’liġijiet anqas diskriminatorji, b’liġijiet li jipproteġu l-ħajja ta’ kwalità, bid-dinjità tal-bniedem, bl-inklużjoni ekonomika, kulturali u soċjali, u bl-opportunitajiet indaqs għal kulħadd.,” qalet il-President li għamlet appell imqanqal favur l-għaqda.
Suċċess rikonoxxut
Qalet li tieħu pjaċir tinnota r-rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku, it-tkattir tax-xogħol, it-tnaqqis fil-qgħad, it-tnaqqis tad-dejn nazzjonali u l-parteċipazzjoni akbar tal-mara u ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.
“Progress ekonomiku rikonoxxut, saħansitra anke, mill-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali. Kull persuna li jirnexxilha tqum fuq saqajha hija rebħa għall-individwu u għas-soċjetà Maltija. L-inkluzjoni soċjali u ekonomika ta’ kull individwu, fl-ispirtu tal-Kostituzzjoni Repubblikana, għandha tibqa’ l-mira ewlenija f’politika li tgħaqqad l-iżvilupp ekonomiku mal-ġustizzja soċjali,” qalet il-President li nnota kif fadal familji li m’għandhomx is-serħan ekonomiku.
Hi qalet ukoll li “Filwaqt li fraħt u nifraħ b’kull statistika pożittiva dwar pajjiżna, b’dieqa ninnota li għad fadal numru konsiderevoli ta’ familji, li minkejja l-bżulija tagħhom, u minkejja li jbatu f’xogħolhom, għad m’għandhomx is-serħan il-moħħ ekonomiku.
“Għandi t-tama li l-miżuri kkontemplati mis-sena d-dieħla jħallu impatt pożittiv fuq komunitajiet li ilhom ibatu s-snin,” żiedet il-President li tenniet li jekk dan ma jkunx biżżejjed, nappella lill-politiċi tagħna biex ikomplu jieħdu l-azzjonijiet meħteġa ħalli min hu batut, iqum tassew fuq saqajh.
Hawn tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ paga indaqs għan-nisa u rġiel u ġlieda kontra l-vjolenza domestika u t-traffikar uman.
Il-President tkellmet ukoll dwar l-ambjent u t-tensjoni li joħoloq bejn interessi differenti. “Jien konvinta li t-tensjoni fil-qasam tal-ambjent tonqos qatigħ jekk id-djalogu u l-kwalità tal-ħajja tagħna, u tal-ġenerazzjonijiet futuri, jitpoġġew fiċ-ċentru tal-proċess tal-ippjanar u tal-iżvilupp,” qalet il-President li tkellmet ukoll dwar l-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni.
“Fil-qasam tas-saħħa, ħadt pjaċir ninnota żieda fil-baġit għall-mediċini relatati mal-kura tal-kanċer. Irridu nkomplu naħdmu biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom aċċess sħiħ, komplut, u b’xejn għall-kura ta’ mard kiefer li jaħsad u jfaqqar,” qalet il-President.
Imħassba bl-arja politika
Fid-diskors qalet li matul is-sena li għaddiet, l-arja politika kompliet titqal. “Ħafna mill-ġid li l-politiċi jwettqu flimkien, permezz ta’ diversi laqgħat f’kumitati u liġijiet ta’ fejda għal kulħadd, qiegħed jintradam taħt munzelli ta’ akkużi u kontroakkużi, tgħajjir, insinwazzjonijiet, skavar ta’ stejjer personali, u tfiegħ ta’ tajn,” iddikjarat il-President tar-Repubblika.
Stqarret li din is-sitwazzjoni qed tinkwetaha wkoll għaliex qed twassal biex nies serji u mħajra għas-servizz ta’ ħaddieħor jitbiegħdu flok iqarrbu biex jidħlu għall-ħajja pubblika.
“Għalhekk, se nieħu l-okkażjoni biex nappella u nħeġġeġ lit-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, biex ma jiddejqux juru li mill-politiċi tagħna jistennew eżempji li jispiraw il-pożittività fil-politika,” qalet il-President.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut