F’laqgħa ta’ skambju ta’ awguri bejn il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u d-deputati Parlamentari, il-President saħqet li matul din is-sena l-politikanti m’għandhomx jintilfu f’dibattitu ta’ ġlied u jagħtu eżempju tajjeb lill-pubbliku.
Hija spjegat li b’din it-tip ta’ politika ż-żgħażagħ qed jersqu ‘l bogħod mill-politika għax qed idejjaqhom dan l-atteġjament. Kien f’dan il-punt li l-President preżentat ittra mit-tfal tal-iskola ta’ Ħal Qormi li fiha t-tfal kitbu biex il-Membri Parlamentari juru rispett lejn xulxin u jaħdmu għal soċjetá inklussiva.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar l-impenn tal-President b’referenza għal ġbir ta’ fondi għall-Istrina, somma li qabżet kull aspettitiva. Huwa stqarr li l-Gvern għandu sena impenjattiva quddiemu bl-għan li t-tkabbir ekonomiku jibbenefiku minnu kulħadd. Il-Prim Ministru qal li min-naħa tal-Gvern ix-xogħol se jirdoppja biex jinżamm il-momentum.
Fl-awguri tagħha, l-President faħħret il-Gvern li rnexxielu jżied l-opportunitajiet tax-xogħol, b’dawk li jħaddmu jsibuha diffiċli biex isibu aktar ħaddiema. Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet is-sodisfazzjon meta tisma’ li l-ġid se jkun qed jibbenefika minnu kulħadd u li aktar nies ħarġu mill-faqar.
Min-naħa tiegħu l-ispeaker Anġlu Farrugia tkellem favur linji gwida ta’ kif għandha titmexxa l-kamra u qal li diġa rajna tibdil kbir, fosthom l-awtonomija parlamentari. Hawnhekk għamel referenza ukoll għal żvilluppi oħra li saru fil-Parlament fosthom il-liġi dwar l-istandards pubbliċi u kompartament etiku.