Bit-tema ‘Nerġgħu niltaqgħu’, il-President ta’ Malta, George Vella organizza ikla ta’ ringrazzjament lill-dawk kollha li kienu fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-pandemija fl-Isptar Mater Dei.
F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-President irringrazzja lil dawn il-ħaddiema għax-xogħol bla waqfien u s-sagrifiċċju tagħhom. Huwa wera l-apprezzament tiegħu lejhom hekk kif bħal katina waħda, bnew element ta’ fiduċja fil-poplu.
Il-President stqarr: “Nemmen u nirrifletti ħafna fuq kif inthom bħala familja kbira ħdimtu flimkien. Anke hemm jiħol l-element tal-fiduċja li kellkom inthom wieħed fl-ieħor għaliex kif tafu din hija katina u ma jiddependix biss fuq il-kapijiet tad-dipartiment jew il-professuri imma kien hemm katina sħiħa ta’ xogħol li jrid isir u kull wieħed kien qed jafda fil-kapaċitajiet ta’ ħaddieħor.”
Huwa appella lill-pubbliku għall-kawtela f’dan iż-żmien, u stqarr kif din il-pandemija għallmitna kif kull xogħol huwa imprezzabbli. Sostna wkoll li din mhix se tkun attività ta’ darba hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed isiru djalogi simili ma ħaddiema f’oqsma oħra li ħadmu b’saħħithom kollha kontra l-pandemija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon ukoll tat ir-ringrazzjament tagħha lil kull ħaddiem u ħaddiema fl-isptar.