Il-President Amerikan, Joe Biden qal li x’aktarx li l-missila li lbieraħ filgħaxija qatlet tnejn meta niżlet fuq il-villaġġ Pollakk ta’ Przewodów, qrib il-fruntiera mal-Ukrajna, ma ġietx sparata mir-Russja.
Anki l-President Pollakk, Andrzej Duda, qal li m’hemmx evidenza konklużiva biex ikun mifhum min spara l-missili.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li jridu jiġu stabbiliti l-fatti kollha u li l-alleanza qed timmoniterja s-sitwazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tad-Difiża Russu ċaħad l-involviment tar-Russja f’dan l-attakk u qal li din kienet provokazzjoni apposta biex teskala l-kunflitti.
F’Bali fl-Indoneżja, fejn hemm numru ta’ mexxejja dinjija għas-summit tal-G20, saret laqgħa urġenti biex jiddiskutu din is-sitwazzjoni.