Fil-jum tat-Tnejn, il-President Amerikan Joe Biden għamel żjara meqjusa bħala waħda ta’ sorpriża, fil-kapitali Ukrena, Kyiv.
Din hija l-ewwel darba li Joe Biden żar lill-Ukrajna minn mindu sena ilu r-Russi nvadew lil dan il-pajjiż.
Fi ftit minuti, din iż-żjara li nżammet sigrieta, ġibdet l-attenzzjoni tal-midja internazzjonali, hekk kif qed titqies bħala waħda storika u importanti sabiex l-Ukreni jibqgħu jissieltu u jirbħu lir-Russja.
Wara li ħarġet l-aħbar li l-President Amerikan jinsab fl-Ukrajna, il-President Ukren Volodymr Zelensky ppublika ritratt fuq il-midja soċjali ma’ Joe Biden.
Huwa laqgħu fl-Ukrajna u qal kif din iż-żjara hija ferm importanti u sinjal ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren.
F’konferenza tal-aħbarijiet, bil-bnadar tal-Ukrajna u l-Istati Uniti fl-isfond, Zelensky qal kif id-dinja demokratika trid tirbaħ din il-gwerra storika. Dan filwaqt li tenna kif in-negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi żgue li se jħallu l-frott.
Fid-diskors tiegħu, Biden innota l-kuraġġ tal-poplu Ukren f’din il-gwerra, u saħaq kif din hija s-sitt darba li żar l-Ukrajna, anke meta kien viċi President tal-Amerka.
Biden qal kif il-Gvern Amerikan se jkun qed jagħti pakkett militari t’għajnuna ġdid b’finanzjament ta’ ħames mitt miljun dollaru.
Intant bħalissa l-Ministri Ewropej għall-Affarijiet Barranin jinsabu fi Brussell fejn se jiddiskutu l-għajnuna li għandha tibqa’ tingħata l-Ukrajna.
Wara, Biden mistenni jibda żjara ta’ tliet ijiem fil-Polonja.