Xahrejn qabel il-Milied, Pjazza Tritoni ġiet imżejjna bil-Presepju maestuż li fl-aħħar sentejn intrama fil-Pjazza tal-Vatikan u f’Betlem.
Dan il-presepju se jikkumplimenta l-kumplament tal-Pjazza fl-isfond tal-funtana, wara li fl-aħħar sentejn sebbaħ Pjazza San Pietru fil-Vatikan u l-Pjazza tal-Maxtura f’Betlem, fejn iktar minn elfejn sena ilu twieled sidna Ġesu Kristu.
L-artist Manwel Grech, li ħadem dan il-presepju, qal kif minkejja li oriġinarjament ma kienx maħdum għal din il-pjazza, il-presepju xorta waħda daħal f’dan ix-xenarju.
Huwa qal kif dan il-prespeju jinkludi sbatax il-pastur life size flimkien ma’ bosta annimali u kif ukoll ikoni Maltin .
“Għandna l-luzzu li jirrapreżenta lil Malta u n-naħa l-oħra s-salib tal-Kavallieri, jiġifieri żewġ simboli kommessi mal-gżejjer tagħna, f’dan il-post il-presepju ġie ambjentat ħafna li jikkumplimenta s-swar u ma setax ikun aħjar”
Apparti li huwa unika minħabba d-daqs, dan il-Presepju hu wieħed storiku għax jibqa’ l-unika wieħed li sa issa ntrama fil-qalba tal-Knisja Kattolika l-Vatikan, kif jispjega l-Vatikanista Frank Zammit li welled din l-idea u li spiċċat marret sal-Art Imqaddsa.
“Din it-tradizzjoni bdija Papa Ġwanni Pawlu t-tieni waqt ikla fejn iddeċiedew li għandu jkun hemm Presepju f’nofs il-Pjazza San Pietru. 34 sena minnhom intrama minn reġjuni Taljani u l-unika sena f’25 sena li sar minn stat sovran barra l-Italja propju kien Malta. Ara xi privileġġ ingħatajna li konna l-unika stat b’opportunita’ li nesebixxu Prespeju Life Size fiċ-Ċentru tal-Knisja Universali”
Il-Presepju intrama fi Pjazza Tritoni bħala parti miċ-ċelebrazzjoni ta’ Valletta Elfejn u Tmintax li se jintemmu daqt, filwaqt li se jiġi nnawgurat nhar l-Erbgħa li ġej.
Dan filwaqt li ser ikun il-bidu għall-bosta attivitajiet marbuta mal-festi tal-Milied u l-ewwle tas-sena fil-Belt Valletta.