Iżda l-iktar tradizzjoni Nisranija tal-Milied hija bla dubju ta’ xejn il-presepju. Imma mhux dejjem kien jeżisti fit-tradizzjoni Nisranija.
Kien San Franġisk t’Assisi li beda din it-tradizzjoni sabiħa. F’Diċembru tas-sena 1223 kien fuq l-għolja ta’ Greccio li hu kien tant iħobb. Hemm, billi kien wasal il-Milied, beda jaħseb f’Betlehem u ż-żjara tiegħu f’dik il-belt qaddisa u għażiża.
U ġietu idea li jagħmel xi ħaġa ġdida fl-istorja. Sejjaħ lin-nobbli Giovanni Vellita, ħabib kbir tal-qaddis, u talbu biex iħejjilu maxtura, baqra u ħmara għal-lejl tal-Milied. Il-lejl tal-Milied wasal u n-nies kollha tal-inħawi marru bix-xemgħat f’idejhom għall-funzjoni. L-artal kienet il-maxtura u Franġisku għamilha ta’ Djaknu, ghax qatt ma ried ikun ordnat saċerdot. Franġisku kien ferħan f’dak il-lejl qaddis. Hu stess qara l-Vanġelu tal-quddiesa.
Il-magħruf storiku Johannes Jorgensen jgħid ma’ ħafna oħrajn li meta Giovanni Vellita ħares lejn il-maxtura ra li l-Bambin li kien hemm ħa l-ħajja u tbissem meta Franġisku ħadu f’idejh. F’dak il-lejl Franġisku għamel prietka li qasmet qalb kulħadd. Dak li sar fi Greccio kien xi ħaġa ġdida, tant hu hekk li l-qaddis kien ħa l-permess mingħand il-Papa biex jagħmel dak li għamel.
F’hiex kienet ħaġa gdida? Nafu li fis-seklu erbgħa diġà kienu jsiru rappreżentazzjonijiet tal-arti bil-Bambin mal-baqra u l-ħmara. U nafu wkoll li fit-tramuntana tal-Ewropa, qabel il-quddiesa ta’ nofsillejl kien isir dak li hu msejjaħ “Officium Pastorum,” qisu pageant, imma kienet għadha qatt ma saret funzjoni b’rappreżentazzjoni hekk ħajja tal-Milied kif għamilha Frangisku. Minn dak in-nhar ’l hawn żammejna din it-tradizzjoni tal-presepju u f’Għawdex daħlet sewwa li kważi f’kull raħal issib xi forma ta’ presepju ħaj.