Is-Sibt filgħodu, fl-għelieqi magħrufa bħala Ta’ Passi, tnediet it-tmien edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem.
Din l-attivitá se tiftaħ il-bibien nhar il-Ħadd ħdax ta’ Diċembru, u bħas-snin preċedenti, se tkun qed issir bil-kontribut tal-Kunsill Lokali, tal-Parroċċa u tal-Għaqdiet kollha t’ Għajnsielem.
Għal din l-edizzjoni, Għawdex se jkun qed joffri programm interessanti u varjati għal persuni ta’ kull etá. Mifrux fuq medda ta’ għoxrin elf metru kwadru u animat b’aktar minn mija u ħamsin attur, Betlehem f’Għajnsielem se jkollu diversi bidliet.
Din is-sena, minflok inbnew kmamar u strutturi ġodda bħalma kien isir fl-edizzjonijiet preċedenti l-enfasi hi aktar fuq il-kwalitá tal-esperjenza li toffri l-attivita.
Fil-fatt, se jiżdiedu numru t’ attivitajiet waqt il-ħin tal-ftuħ u aktar attivita f’Chambray, li se tinbidel f’fortizza Rumana. Se tiżdied ukoll l-attivitá tas-snajja Maltija u anke se jkun hemm sessjonijiet ta’ qari għat-tfal iż-żgħar.
Apparti minn hekk, sar titjib ukoll fl-aċċessibilita li hemm fil-passaġġi minn Triq l-Imġarr għal Ta’ Passi, fosthom anke permezz tat-twessiegħ tal-passaġġi.