Għal sena oħra, fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku l-villaġġ ewlieni ta’ natività f’Għawdex – Bethelem F’Għajnsielem. Attivitá li issa saret appuntament annwali għal dawk li jżuru l-gżira Għawdxija matul dan iż-żmien tal-Milied.
L-edizzjoni ta’ din is-sena ġiet miftuħa uffiċjalment mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fid-diskors tiegħu huwa semma kif sena wara l-oħra n-nies qed jattendu bi ħġarhom għal din l-attivitá speċjalment is-sena l-oħra meta b’kollox 40,000 familja żaru dan il-villaġġ.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-volontiera u lill-għaqdiet kollha t’Għajnsielem tas-sehem tagħhom f’dan il-proġett.
Għal din l-edizzjoni, Għawdex se jkun qed joffri programm interessanti u varjati għal persuni ta’ kull etá. Mifrux fuq medda ta’ għoxrin elf metru kwadru u animat b’aktar minn mija u ħamsin attur, Betlehem f’Għajnsielem se jkollu diversi bidliet.
Din is-sena, minflok inbnew kmamar u strutturi ġodda bħalma kien isir fl-edizzjonijiet preċedenti l-enfasi hi aktar fuq il-kwalitá tal-esperjenza li toffri l-attivita.
Fil-fatt, se jiżdiedu numru t’ attivitajiet waqt il-ħin tal-ftuħ u aktar attivita f’Chambray, li se tinbidel f’fortizza Rumana. Se tiżdied ukoll l-attivitá tas-snajja Maltija u anke se jkun hemm sessjonijiet ta’ qari għat-tfal iż-żgħar.
Apparti minn hekk, sar titjib ukoll fl-aċċessibilita li hemm fil-passaġġi minn Triq l-Imġarr għal Ta’ Passi, fosthom anke permezz tat-twessiegħ tal-passaġġi.