Il-presepju, li naraw f’dan iż-żmien tas-sena biex ifakkar it-twelid ta’ Ġesù Bambin f’Betlem, beda bħal-lum tmien mitt sena ilu fir-raħal Taljan ta’ Greccio.
L-istorja tgħid li San Franġisk ta’ Assissi żar l-Art Imqaddsa waqt pellegrinaġġ fis-sena elf mitejn u dsatax u elf mitejn u għoxrin.
Hu maħsub li, f’dan iż-żmien, San Franġisk mar jgħix fi Greccio minn Assissi, wara talba li saret mill-awtoritajiet ta’ dan ir-raħal. Hawnhekk San Franġisk bena santwarju, f’post ta’ meditazzjoni u fidi.
Wara ż-żjara tiegħu fl-Art Imqaddsa, kien iddeċieda li jibqa’ jfakkar ix-xena tan-Nattività.
Kien fl-erbgħa u għoxrin ta’ Diċembru tal-elf mitejn tlieta u għoxrin, meta hu organizza quddiesa ta’ nofsillejl, fejn inkluda din ix-xena tan-Nattività.
B’nies mill-villaġġ liebsu tal-Madonna u San Ġużepp, waqt li kien pupu tal-ħjata li rrappreżenta lil Ġesù Bambin. Magħhom San Franġisk ġab ukoll baqra u mogħża, biex b’hekk sar l-ewwel presepju.
L-għan ta’ San Franġisk kien li jeduka u jispira lin-nies tar-raħal dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, mhux bħala ġrajja storika, iżda bħala xi ħaġa li jemmnu fiha.
Dak li beda fl-Italja, beda jinfirex madwar l-Ewropa u mbagħad maż-żmien żdiedu aktar figuri fil-presepju, fosthom ir-rgħajja u anke l-anġlu li ta l-bxara t-tajba.
Fost il-postijiet, li fihom inxterdet din it-tradizzjoni, kien pajjiżna. Il-maġġor parti tal-presepji f’dan il-perjodu kien fil-knejjes u fil-kunventi, minħabba li qassisin kienu jmorru lejn l-Italja u ġarrew magħhom din it-tradizzjoni hawn ukoll.
L-ewwel presepju magħruf f’pajjiżna kien fl-elf sitt mija u sbatax u kienu l-Patrijiet Dumnikani fir-Rabat.
Lejn in-nofs is-Seklu Tmintax jissemma ċertu Saverio Laferla, li kien barbier u kien magħruf sew għall-presepji li jaħdem.
Il-ħeġġa fost il-Maltin lejn il-presepju bdiet aktar tissoda fis-Seklu Dsatax, l-aktar fost il-familji nobbli u sinjuri, u li kellhom konnessjoni mill-qrib mal-kultura Taljana. B’dawn kienu jixtru jew jakkwistaw presepji Naplitani jew Sqallin ta’ kwalità artistika għolja.
Fis-Seklu Għoxrin, imbagħad, il-presepju nxtered sew fid-djar tal-Maltin, b’dan jibda jissemma fil-gazzetti u fost dawk partikolari li jissemmew fil-bidu kien hemm il-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, Ħ’Attard u l-Furjana, li kienu popolari sew.
Fost dawk li kellu presepju fid-dar tiegħu, kien hemm l-ewwel qaddis Malti San Ġorġ Preca. Hu kien waqqaf is-soċjetà tal-MUSEUM fil-bidu tas-Seklu Għoxrin u, permezz tagħha, Dun Ġorġ ried li ssir aktar enfażi lit-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Ried ukoll li l-membri tal-MUSEUM iqassmu grotta, presepju jew xi Bambin lit-tfal li jattendu, xi ħaġa li għadha ssir sal-lum il-ġurnata fl-istess soċjetà.
Lejlet il-Milied tal-1921, San Ġorġ Preca għamel l-ewwel Purċissjoni tal-Bambin li ħarġet mis-Santwarju tas-Samra, fil-Ħamrun. B’din ukoll issir tradizzjoni annwali, ġeneralment fl-24 ta’ Diċembru, fejn ix-xbieha tal-Bambin iddur mat-toroq ta’ diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.