Il-Knisja Kattolika llum tfakkar il-Ġimgħa l-Kbira bil-funzjoni ewlenija fil-knejjes tkun it-tifkira Solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej li matulha jiddomina s-skiet u l-ġabra.
Is-sempliċità ta’ din iċ-ċelebrazzjoni żżid fid-drammatiċità tagħha u tgħin iktar lill-Insara biex jirriflettu fuq dan il-ħin għażiż fil-ħajja ta’ Ġesu.
F’Malta din iċ-ċelebrazzjoni tissokta b’għadd ta’ purċissjonijiet b’għadd ta’ vari li joħorġu minn diversi knejjes li jfakkruna fit-tbatija li għadda minnha Kristu.
Crew ta’ ONE News żar il-parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, li din is-sena tinsab entużjasta wara li ngħatat il-barka biex iżżid vara ġdida ta’ Kristu quddiem is-Sinedriju.
Sigħat qabel il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, f’Ħal Qormi sibna t-tħejjijiet minn mijiet ta’ voluntiera li joħorġu mat-toroq ta’ din lokalità sabiex jirrapprezentaw karattri bibliċi ta’ elfejn sena ilu.
ONE News tkellem ma’ George Falzon li ilu jieħu sehem fil-purċissjoni minn tfulitu.
George Falzon – Libes ta’ Ċenturjub
“Dan l-aħħar ħmistax-il sena qed nilbes l-istess libsa ta’ ċenturjun, xi ħaġa li aħna l-Qriema qiegħda ġo fina, naħdmu għal din il-ġurnata, ngħixu kważi għal din il-ġurnata, orrajt hemm San Ġorġ u nħobbuh ukoll. Imma naħseb jekk tgħidilna biex nagħżlu, nagħżlu l-Ġimgħa l-Kbira għax sabiħa wisq.”
Bħal Falzon hemm ukoll Juan Falzon li ilu jieħu sehem fil-purċissjoni min meta kellu sitt snin u din is-sena refgħa l-istatwa tal-Ort.
Juan Cassar – Reffiegħ
“Nagħmilha kull sena għax dik aħna ngħidulha injection. Ilbist l-ewwel darba ta’ sitt snin u imbagħad ma tgħaddiex sena li ma tilbisx. Entazjazmu sakemm joħroġ, friefet u imbagħad sakemm tibda ħierġa għax imbagħad daqshekk, imbagħad ma tkunx tridx tidħol.”
ONE News iltaqa’ wkoll ma’ Drinu Galea li qed jipparteċipa fil-purċissjoni għat-tmien darba.
Drinu Galea – Reffiegħ
“Fl-aħħar qishek tieħu dak is-sodissfazzjon u fl-istess ħin hija l-kultura ta’ Ħal Qormi, kif nerfgħu u hekk u huwa gost ukoll.”
Din is-sena, l-Qriema jinsabu entuzjasti hekk kif f’Ħamis ix-Xirka tħabbar li s-sena d-dieħa se jkun statwa oħra mat-tnax-il sett ta’ vari, li tirrapreżenta xena oħra mill-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Dun Mario Mangion – Arċipriet
“L-istatwa l-ġdida tirraprezenta, ikun fiha l-Anna u l-Kajfa, għandna lil Kajfa – il-Qassis il-Kbir dik is-sena u huwa dakil-kbir li jaqta’ l-kundanna kontra Ġesu’ min naħa tal-Lhud.”
Din l-istatwa, li se tinħadem bil-kartapesta se tinħadem min Aaron Camilleri Cauchi, u mistennija tkun lesta għall-Ġimgħa l-Kbira tas-sena d-dieħla.