Nhar l-Erbgħa li ġej, il-pajjiż ifakkar Jum ir-Repubblika, fost oħrajn bil-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta’ Malta, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
Din il-ġurnata storika tfakkar meta 49 sena ilu Malta rrevediet il-kostituzzjoni tagħha u saret Repubblika. B’hekk Malta ma baqgħetx b’kap ta’ stat barrani mill-monarkija tar-Renju Unit, u minflok inħatar l-ewwel President Malti, Sir Anthony Mamo.
Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Uffiċċju tal-President, se jorganizzaw attivitajiet kommemorattivi biex jitfakkar dan il-jum.
Nhar l-Erbgħa fl-10:00 ta’ filgħodu ssir il-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta’ Malta, waqt li fil-11:00 se ssir ċerimonja tal-investitura u l-għoti tal-midalji fis-Sala tal-Gran Kunsill, fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.
Mal-President tar-Repubblika, jattendu l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, u mistednin distinti oħrajn.