It-Tnejn filgħaxija tħabbar li r-rebbieħa tal-premju Nobel għall-ekonomija ta’ din is-sena kienu tliet akkademiċi bbażati fl-Istati Uniti li ssottomettew riċerka li esplorat il-konsegwenzi tal-kolonizzazzjoni bil-għan li jkun mifhum għaliex ħafna pajjiżi, speċjalment dawk li huma ddominati mid-dittatorjat u l-korruzzjoni, qed isofru minn inugwaljanza globali.
L-Anglo Amerikani Simon Johnson u James Robinson kif ukoll Daron Acemoglu li jgħix ukoll l-Istati Uniti iżda huwa ta’ oriġini Torka, kienu mfaħħra għax-xogħol tagħhom dwar kif jiġu ffurmati l–istituzzjonijiet u kif dawn jaffettwaw il-prosperità.
Iċ-chairman tal-kumitat ta’ dan il-premju Jakob Svensson qal li waħda mill-akbar sfidi ta’ żminijietna hija t-tnaqqis tad-differenzi kbar li jeżistu fid-dħul bejn il-pajjiżi u dawn it-tliet riċerkaturi rnexxielhom jidentifikaw l-għeruq storiċi ta’ istituzzjonijiet dgħajfa li llum jiddefenixxu ħafna mill-pajjiżi li għandhom dħul baxx.
Acemoglu ħeġġeġ sabiex pajjiżi demokratiċi jipprattikaw governanza aħjar filwaqt li Johnson qal li d-demokrazija Amerikana ħa tkun sottomessa għal eżami ta’ tensjoni nhar il-5 ta’ Novembru.
Inċidentalment dan il-premju kien imħabbar ġurnata biss wara li l-Bank Dinji ħareġ ir-rapport dwar l-ifqar 26 pajjiż fid-dinja u li fihom jgħixu 40 fil-mija tan-nies l-aktar milquta mill-faqar, fejn jidher li jinsabu fl-akbar ammont ta’ dejn sa minn qabel l-2006 li jemfasiżża pass lura f’dik li hija l-ġlieda kontra l-faqar.
Dan kien l-aħħar premju Nobel għal din is-sena u jiswa mal-1.1 miljun dollaru, b’rebbieħa passati jinkludu lil Milton Friedman u John Nash.