Il-Knisja f’Malta ppubblikat linji gwida dwar kif għandhom isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tas-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof.
Fid-dokument, il-paroċċi huma mħeġġa jorganizzaw iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sagramenti fit-tliet xhur li ġejjin.
Skont il-linji gwida maħruġa mill-Knisja f’Malta dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandhom isiru bid-devozzjoni meħtieġa imma mhux b’tul żejjed.
Biċ-ċentri tad-duttrina u l-Mużewijiet, il-Kurja suġġerit li l-parroċċi jsibu modi kreattivi biex jagħmlu l-aħħar tħejjijiet għal dawn is-sagramenti, fosthom b’mezzi virtwali. Żiedet tgħid li dawk il-ġenituri li jħossu li wliedhom mhumiex preparati biex jirċievu żewġ sagramenti, jistgħu jagħżlu li wliedhom jirċievu s-sagrament is-sena dieħla flimkien mal-kandidati tas-sena dieħla, jew f’xi parroċċa oħra, jew skont arranġament li jagħmlu mal-arċipriet jew kappillan.
Il-Kurja suġġerit li kull minn jattendi għa-ċelebrazzjoni ta’ żewġ sagramenti għandu jilbes ilbies sempliċi u dinjituż u mhux bilfors tkun ilbies li tradizzjonalment jintuża f’dawn l-okkazzjonijiet. Għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tqarbina, il-ġenituri u wliedhom se jkunu bilqiegħda flimkien b’distanza minn familja għal oħra u mhux se jkun meħtieġ li jilbsu maskra jew visor.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel tqarbina, is-saċerdot iqarben lill-kandidati biss, filwaqt li saċerdot ieħor jew ministru tat-tqarbin iqarben lill-kumplament tal-familja u persuni oħra preżenti. Is-saċerdot li jkun qed iqarben lil dawn il-kandidati ma għandux għalfejn ikun liebes visor jew maskra waqt li jkun qed iqarben lilhom.
Intant id-dilka taż-ż-żejt fil-Griżma tal-Isqof se ssir bl-użu ta’ tajjar differenti għal kull persuna biex iċ-ċelebrant ma jmissx lill-adoloxxenti b’subajgħ. Wara l-quddiesa, dan it-tajjar għandu jinħaraq u m’għandux jittieħed mill-kandidati jew minn membri oħra tal-kongregazzjoni. Qabel jibda r-rit tad-dilka taż-żejt u malli jispiċċa, iċ-ċelebrant għandu jaħsel idejh bis-sanitiser.
Ħadd ma jista joħroġ minn postu fil-knisja biex jieħdu ritratti jew filmati, għalkemm dan is-servizz ser jingħata minn fotografu li jitqabbad mill-parroċċa. Ġie rrimarkat li għandu jiġi evitat li jittieħdu ritratti ta’ gruppi ta’ tfal, madankollu, il-ġenituri tat-tfal jistgħu jiddeċiedu li t-tfal jieħdu ritratti ma’ min jixtiequ huma, mingħajr il-ħtieġa għal dak il-mument li tinżamm distanza soċjali.
Il-linja gwida jispjegaw ukoll li ħadd ma għandu jieħu b’idejn persuni oħra.
Dun Andre’ Zaffarese, delegat għall-ħajja u l-ħidma fil-parroċċi wera s-sodisfazzjon, li wara dan iż-żmien, it-tfal u ż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jiċċelebraw dawn iż-żewġ sagramenti.
Huwa sostna: “L-ewwel nett hija xi ħaġa sabiħa li tara li tara l-ferħu l-entużjażmu li divers tfal u familji għandhom għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li fihom se jkunu qed, fil-każ tal-ewwel tqarbina lil Ġesù, l-ewwel darba fil-qalb tagħhom u fil-każ tal-Griżma se jirċievu propju dan is-sagrament.