Il-każ taċ-ċkejken ta’ erba’ snin li f’dawn il-festi tilef ħajtu wara li fega fl-ikel ħasad mhux biss lill-ġenituri tiegħu izda lil bosta oħrajn li tbikkmu b’din id-diżgrazzja.
Omm iċ-ċkejken għamlet dak kollu li setgħet biex issalva lil binha inkluż il-proċedura tas-CPR. Madankollu l-ikel ma seta’ jinqala’ b’xejn.
Lil hinn minn dan il-każ, One News tkellem mal-Professur Simon Attard Montalto dwar il-periklu li jġib miegħu ċertu ikel u x’miżuri għandhom jittieħdu f’każ li persuna, inkluż tfal jeħlilhom l-ikel fil-pajp tan-nifs.
Il-Professur Simon Attard Montalto qal magħna li kwalunkwe ħaġa fosthom ikel u biċċiet tal-logħob jistgħu jeħlu fil-pajp tan-nifs tal-ġisem tal-bniedem.
Mingħajr ma daħal fil-mertu tal-każ taċ-ċkejken li tilef ħajtu b’mod sfortunat f’dawn l-aħħar jiem, il-Professur Attard Montalto saħaq fuq l-importanza li l-ġenituri jkunu mat-tfal żgħar waqt il-ħin tal-ikel.
“L-aktar ħaġa importanti ma jagħtuhomx biċċiet kbar wisq. Mill-banda l-oħra lanqas żgħar wisq għax xorta jeħlu. Imma l-iktar ħaġa importanti li meta t-tfal qegħdin jieklu, xi ħadd qed jagħmel supervision, ikun hemm xi ħadd magħhom. Għax dik hi l-problema. Iktar ma jkun iebes u qisu rubber forsi agħar imma kollox jista’ jkun, tista’ biċċa ħobż bl-ilma, tkun soft ħafna pereżempju.” stqarr Attard Montalto.
Il-Professur temm l-intervista’ bi spjega ċara ta’ prattika li wieħed għandu jagħmel meta jara lil xi ħadd qed jibdel il-kulur wara li beda jifga f’xi ikel jew f’oġġett ieħor. Fl-istess waqt appella għall-kalma f’mument daqstant delikat.