“Il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala stat newtrali trid tkun rispettata l-ħin kollu.”
Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio, fejn emfasizza kif fil-Kunsill Ewropew ta’ din il-ġimgħa nnegozja klawsoli li anki jekk pajjiżi oħra jridu jżidu l-enfasi tagħhom fuq in-nefqa militari, il-pożizzjoni ta’ Malta bħala stat newtrali trid tibqa’ tkun rispettata l-ħin kollu u li pajjiżna mhux se jkunu parti minn dak li ma jemminx fih.
“Ir-realtà speċifika ta’ pajjiżna hi waħda ta’ newtralità u non-allineament, u t-tieni parti tal-messaġġ li jmur lil’hinn min dak li tipprovdi l-Kostituzzjoni li wassalt anki fid-diskussjoni, kienet li r-realtà speċifika ta’ pajjiżna hija ta’ pajjiżna li jippromwovi l-paċi allura dik ir-realtà trid tiġi riflessa u salvagwardjata.”
Dwar dak li qalet l-Oppożizzjoni, li l-Prim Minstru qed jgħid ħaġa f’Malta u fi Brussell qal ħaġa oħra, Dr Abela fakkar x’kien għamel Gvern Nazzjonalista.
“Dawn mhumiex xi konklużjonijiet kif kien jibgħat il-Partit Nazzjonalista, infakkar li kien jibgħat l-ittri ta’ qabel l-elezzjoni. Nafu li bagħat waħda fuq it-Tarzna u nafu x’kienet ir-realtà dwarha għax it-tarznari għalquhom bagħat oħra fuq l-insib u ngħaddu x’kien l-eżitu ta’ dik l-ittra kemm kissru l-kelma tagħhom mal-poplu.”
Il-Prim Ministru sostna wkoll kif pajjiżna, flimkien ma’ tliet pajjiżi oħra ngħaqdu flimkien biex jirrikonoxxu lill-Palestina bħala Stat.
“Din l-istqarrija li għamilna bejn l-erba’ mexxejja nemmen li fasslet it-triq ‘il quddiem u nemmen li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin inkunu wrejna it-triq it-tajba ‘l quddiem. Irridu li din il-miżura timmaterjalizza, jiġifieri filwaqt li kien hemm din id-diskussjoni li ilha għaddejja għal snin bejn diversi stati għandhom jirrikonoxxu l-istat Palestinjan jew le, jien nemmen li hija xi ħaġa li titwettaq u nkunu aħna minn ta’ quddiem.”