Il-ħatra ta’ Simon Busuttil bħala membru tal-kumitat ta’ esperti Ewropej li jagħti l-pariri dwar l-Imħallfin qabel dawn jibdew jiffurmaw parti mill-Qrati tal-Ġustizzja Ewropej m’għadhiex aktar tenibbli. Qalet dan il-Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli.
Busuttil ġie nnominat għal din il-kariga mill-Parlament Ewropew fejn huwa l-unika membru tal-kumitat li jirrappreżenta lill-Parlament Ewropew. Il-kumitat hu nkarigat li jagħti opinjoni dwar jekk il-kandidat ikunx kapaċi jwettaq id-dmirijiet ta’ Imħallef jew Avukat Ġenerali tal-Qorti Ġenerali.
Dalli spjegat kif dan l-irwol jirrikjedi persuna kapaċi li lesta tieħu deċiżjoni informata u serja. Sostniet li l-konklużjonijiet tal-injesta Maġisterjali jindikaw b’mod ċar li Busuttil mhux adattat għal dan l-irwol.
Fl-ittra mibgħuta lill-MEPs kollha tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u l-kumitat li jiffoka fuq l-Istat tad-Dritt fl-UE, Dalli insistiet li l-MEPs għandhom jiddistingwu bejn allegazzjonijiet u fatti u jappoġġaw analiżi bbażata fuq fatti permezz ta’ inkjesti indipendenti.
Il-MPE Dalli informat lill-MEPs dwar l-aħħar żviluppi, billi spjegat il-konklużjonijiet tal-inkjesta indipendenti mill-Maġistrat Aaron Bugeja, li sema’ 477 xhieda. Hija ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li l-inkjesta magisterjali sabet li la l-Prim Ministru Joseph Muscat, u lanqas martu Michelle jew xi qraba tagħhom ma kienu marbuta b’xi mod mal-kumpanija offshore Egrant.
Dalli qalet “Saret ħsara fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta minn nies li għamlu l-allegazzjonijiet tagħhom, li issa ħareġ li kienu biss fabbrikazzjonijiet u gideb. Dawn il-gideb intqalu aktar minn darba fil-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet Ewropej oħra minn persuni li kellhom ikunu jafu aħjar. Dan huwa kompletament inaċċettabbli u jiena ser niżgura li se naqbeż għal Malta u ċ-ċittadini tagħha. ”
Hija qalet li l-MPEs ġew influwenzati fil-perċezzjoni tagħhom dwar Malta minn dawk li l-uniku interess tagħhom kien li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat.