Illum il-kumpanija Enemalta ser tkun għaddeja b’xogħol sabiex tneħħi l-cables li jagħtu għall-power station tal-Marsa minħabba li m’hemmx bżonnha aktar. L-impjanti 5,6,7, u 8 tal-Marsa, li ġew ikkummisjonati bejn l-1982 u l-1987, ser jinqatgħu mill-grid tal-elettriku ta’ pajjiżna u l-Marsa ser tkompli tiżżarma.
Dan seta’ jsir minħabba li l-Enemalta bdiet tirċievi l-elettriku ġġenerat mill-gass mill-impjanti l-ġodda ta’ Delimara, u għalhekk m’hemmx aktar bżonn tal-power station tal-Marsa biex tkun fuq cold standby.
L-aħħar ftit żejt preżenti fit-tankijiet tal-Marsa ser jitneħħa sabiex dawn jiżżarmaw ukoll.
Dan ser ifisser arja aktar nadifa għan-nies tal-madwar, specjalment għar-residenti ta’ Raħal Ġdid, tal-Marsa, tal-Fgura, tal-Ħamrun, tal-Belt u r-residenti tal-port tal-madwar li sikwit kienu jsibu trab iswed fuq il-bjut tagħhom u li kellhom arja mniġġsa bl-emmissjonijiet mormija mill-heavy fuel oil, l-aktar żejt li jniġġes.
Il-Ministru Konrad Mizzi spjega li dan ma setax ikun possibli li kieku ma nbnietx power station ġdida li taħdem bil-gass, dik tal-Electrogas, u li kieku ma sarx l-investiment mis-Shanghai Electric Power u ġiet kkonvertita l-BWSC biex taħdem bil-gass. Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn kien hemm bżonn power station ġdida li taħdem bil-gass f’pajjiżna.
Il-kumpanija Enemalta qiegħda tiżviluppa wkoll ċentru tad-distribuzzjoni ġdid f’parti mis-sit tal-power station tal-Marsa li ser ikun wieħed miċ-ċentri l-aktar importanti tal-pajjiż u li se jtejjeb is-servizz mogħti mill-Enemalta.