Il-postijiet fejn se jżur il-Papa matul iż-żjara tiegħu f’pajjiżna għażilhom kollha hu.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet jumejn qabel iż-żjara tal-Papa Franġisku nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej, miċ-Chairman tal-Kumitat Organizattiv Aaron Zahra u l-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea-Curmi.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar il-programm uffiċjali taż-żjara tal-Papa.
Intqal kif il-Papa Franġisku se jasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta ta’ għaxra ta’ filgħodu.
Hawnhekk il-Papa se jkun milqugħ mill-ogħla awtoritajiet, fosthom il-President George Vella u l-Prim Ministru Robert Abela.
Imbagħad għall-ħabta tal-ħdax neqsin għaxra, il-Papa Franġisku se jkun qed jagħmel żjara ta’ kortesija fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Hawnhekk se jkollu laqgħat mal-President, il-Prim Ministru u l-ogħla awtoritajiet.
Wara l-Papa Franġisku flimkien mal-President u l-Prim Ministru se joħorġu mill-gallarija tal-Palazz fejn se jxejjru lil dawk li se jkunu preżenti fi Pjazza San Ġorġ.
Wara l-Papa se jkun qed imur lejn in-Nunzjatura, fejn se jkun qed jirrisjedi matul din iż-żjara.
Għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar, il-Papa se jkun qed jaqbad triqtu lejn il-Port il-Kbir, fejn minn hemm se jkun qed jaqbad il-katamaran Maria Dolores lejn il-gżira Għawdxija.
Ġie spjegat kif hawnhekk se ssir ċerimonja sabiħa u l-katamaran se jdur viċin il-Belt, l-Isla u l-Birgu.
Għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofsinhar, il-Papa Franġisku se jkun qed jasal f’Għawdex, se jkun qed imur fis-Santwarju ta’ Pinu, fejn se jkun qed imexxi laqgħa ta’ talb.
Fis-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija, il-Papa se jaqbad il-vapur tal-Gozo Channel bl-isem Ta’ Pinu u se jkun qed imur lejn in-Nunzjatura fir-Rabat.
Imbagħad il-Ħadd fit-tmienja ta’ filgħodu, il-Papa Franġisku se jkun qed imur lejn il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Wara se jkun qed jitla’ fil-Bażilika ta’ San Pawl fejn se jiltaqa’ ma’ diversi gruppi fis-soċjetà, fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Caritas, fost oħrajn.
Wara se tkun qed issir l-attività prinċipali fejn se ssir il-quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana. Hawnhekk se jkun hawn madwar tnax-il elf persuna li se jieħdu sehem f’din l-attività u wara l-quddies se jgħid l-Angelus, fejn hawnhekk jgħaddi l-messaġġ ta’ nhar ta’ Ħadd.
Hawnhekk tkellimna mal-Isqof Awżiljarju, il-Monsinjur Joseph Galea-Curmi dwar l-importanza ta’ dan il-messaġġ anki f’kuntest ta’ gwerra fl-Ukrajna.
Wara nofsinhar, il-Papa Franġisku se jkun qed iżur il-Laboratorju tal-Paċi, fejn hawnhekk is-suċċessur ta’ Pietru ser jitkellem mal-immigranti.
Intqal kif matul din iż-żjara ta’ jumejn, il-Papa se jkun qed jgħaddi minn ħdax-il rotta. Ġie spjegat kif fl-aħħar sigħat waslu tliet vetturi tal-Papa, żewġ popemobiles u l-karozza uffiċċjali li juża ta’ kuljum fil-Vatikan.
Matul din iż-żjara se jkun hawn madwar madwar tliet mitt ġurnalist barrani u se jkun hawn diversi delegati tal-Papa li bdew jaslu matul din il-ġimgħa.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-ħidma għal din iż-żjara ilha għaddejja u biex din iż-żjara ssir possibli saret ħidma kkordinata bejn l-Istat u l-Knisja.
Aktar kmieni matul il-ġurnata tal-Ħamis tnediet il-kanzunetta uffiċjali għaż-żjara tal-Papa bl-isem ta’ ‘Welcome Home’ miktuba minn Fr Rob Galea.
Waqt li għal aktar infomazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit papafrangisku.mt.