Ftit tal-ġimgħa ilu l-posta bdiet topera b’rota elettrika li l-pustiera qed jużaw biex iqassmu l-ittri u l-pakketti fid-djar.
Mas-sebħ morna fit-triq insegwu lil pustier jaqdef din ir-rota filwaqt li miċ-ċentru postali ta’ Ħal Qormi, Kerstin Portelli spjegalna l-ħsieb wara l-użu tar-rota elettrika: “L-E-bike hija electric bike, l-iktar li qiegħda tintuża n-naħa ta’ Ħal Qormi bħalissa. Fil-bidu, qisu daqs xahrejn kienet fuq pilot project, il-pustiera sabuha tajbin u jiġifieri qegħdin issa nużawha u beħsiebna nkomplu nġibu ħafna iktar trasport eco-friendly sabiex anki l-muturi neqilbuhom mill-muturi bil-petrol, neqilbuhom eco-friendly anki biex ikollna arja nadifa.”
Din mhux l-uniku inizzjattiva li qed tittieħed favur l-ambjent.
Portelli tenna:
“Bħal sena ilu introduċejna l-paxter li qisu karozza żgħira li l-pustier ikun jista’ jmur iqassam biha. Hija taħdem bil-batterija. L-iktar li qiegħda tiġi użata fil-lokalitajiet bħal Ħaż-Żebbuġ u ż-Żurrieq.”
Intant l-posta għandha erba’ ċentri postali li minnhom jitqassmu l-ittri madwar il-pajjiż.
Fiċ-ċentru ta’ Ħal Qormi stajna naraw il-mod organizzat tax-xogħol tal-posta biex il-pustier jaħdem b’mod aktar effiċċjenti fit-triq.
“Jaqsamhom hemm garżelli apposta, jaqsamhom bi triq bi triq għax kull rotta għandha t-toroq speċifiċi tagħha. Kif jaqsamhom kollha fit-toroq jieħodhom fis-sorting rack u s-sorting rack hija dik fejn ikun hemm triq, triq, dar, dar, ikun kollox issortjat biex għall-inqas il-pustier fuq barra jkun aktar effiċċjenti u jkun jista’ jqassam fuq barra aħjar”, temm jgħid Portelli.