Post f’Għawdex fejn kien joqgħod ir-rumanzier rinomat Ingliż Nicholas Monsarrat ser jibqa’ skedat bħala bini ta’ Grad 2 wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar (l-EPRT) ċaħad appell ippreżentat minn terzi biex jitneħħa l-istat ta’ protezzjoni tiegħu. Minflok, it-Tribunal ikkonferma d-deċiżjoni oriġinali tal-Awtorità rigward l-iskedar.
Il-proprjetà, li qiegħda f’San Lawrenz, Għawdex, tikkonsisti minn żewġ residenzi vernakulari simili, kull waħda mibnija b’parapett fuq quddiem. Għalkemm il-binja ta’ żewġ sulari sarulha xi xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni, il-materjal tal-bini taż-żewġ strutturi baqa’ intatt.
Il-proprjetà għandha ġnien estensiv u matur fuq wara, u ġibjuni tal-ilma taħt l-art. Għandha karatteristiċi arkitettoniċi vernakulari Maltin, b’bitħa interna, terrazzin, taraġ tal-ġebel, u s-sistema tradizzjonali Maltija tas-soqfa magħmula minn xorok tal-ġebel, travi tal-injam, u arkati.
Minbarra l-merti arkitettoniċi tal-proprjetà, fl-aħħar tas-snin sittin kienet ukoll ir-residenza tar-rumanzier famuż Nicholas Monsarrat, li huwa magħruf l-aktar għall-kotba tiegħu ‘The Cruel Sea’ u ‘The Story of Esther Costello’. Fl-1973, f’din il-proprjetà, Monsarrat kiteb ‘The Kappillan of Malta’, ktieb li huwa magħruf ħafna għalih.
Bħala difiża għall-iskedar, l-Awtorità tal-Ippjanar ippreżentat id- dokumentazzjoni kollha rilevanti u żammet kontinwament il-pożizzjoni tagħha biex din il-proprjetà żżomm l-skedar fi Grad 2.
Kien proprju għall-merti arkitettoniċi u s-sinifikat storiku tal-proprjetà li l-Awtorità tal-Ippjanar, b’kollaborazzjoni mill-qrib mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, skedat din il-proprjetà fl-2020.