Issa li jonqos inqas minn xahar għall-bidu tal-EURO 2016 beda jiżdied il-paniku ta’ dawk li forsi waqgħu ftit f’lura fil-kollezzjoni tal-album tal-istickers tal-Panini. Għalhekk għexieren inġabru l-Belt quddiem Anastasi biex bħal ma’ jiġri kull sentejn, darba għat-Tazza tad-Dinja u darba għall-kompetizzjoni tal-Ewropa, wieħed jipprova jsib dak li ma sax fil-pakkett.
Dan huwa wkoll il-post fejn l-irġiel isiru t-tfal u t-tfal jibdew jinnegozjaw daqs l-aqwa adulti. “Taf kemm hu diffiċli ssib badge din id-darba u int trid tagħtini biss żewġ stickers. Ejja ħamsa u ħudha,” smajna tfajjel jinnegozja ma’ ieħor daqs l-aqwa imprenditur.
Insomma bit-temp mill-isbaħ u l-ġmiel tal-belt fl-isfond l-atmosfera hi waħda ħelwa. U mnalla għax bl-almub sar fih madwar 700 sticker minn jaf kemm għad iridu jerġgħu jiltaqgħu.