Fl-Education City Stadium, il-Portugall temmew il-fażi tal-gruppi, b’telfa mhux mistennija ta’ 2-1 mal-Korea t’Isfel. Madanakollu, b’dan ir-riżultat il-Portugall xorta ġew l-ewwel fi Grupp H, b’sitt punti.
Wara biss ħames minuti, il-Portugiżi fetħu l-iskor permezz ta’ Ricardo Horta li rċieva kross fil-kaxxa mingħand Diogo Dalot.
Fis-27 minuta, il-Koreani għamlu l-iskor indaqs permezz ta’ Young-gwon wara li rċieva l-ballun minn azzjon ta’ corner.
Fil-91 minuta, il-Koreani marru fil-vantaġġ permezz ta’ Hee-Chan Hwang. Bl-ewforija tal-gowl, dan il-plejer neża l-flokk u qala’ l-karta s-safra inevitabbli. B’dan il-gowl ikkwalifikaw il-Korea t’Isfel minflok l-Urugwaj, b’dawn tal-aħħar li kienu gowl ‘il-bogħod milli jikkwalifikaw.
Intant, fl-Al Janoub Stadum l-Urugwaj tilfu l-kwalifikazzjoni, fl-aħħar ħinijiet, minkejja li għelbu lill-Ghana bl-iskor ta’ 2-0.
FIl-21 minuta, il-Ghana kellhom ċans imorru fil-vantaġġ meta Ayew falla penalty.
Fis-26 minuta Giorgian De Arrascaeta fetaħ l-iskor, b’daqqa ta’ ras mill-viċin. Fit-32 minuta, l-istess plejer skorja ġmiel ta’ gowl, sabiex għamilhom 2-0.
Illejla fit-20:00, minn Grupp Ġ, is-Serbja jilagħbu kontra l-Iżvizzera u l-Kamerun kontra l-Brażil.
Ritratt: Getty Images.