Il-Port il-Kbir fil-Belt Valletta huwa wieħed mill-portijiet finalisti li ġew nominati għat-tieni edizzjoni tal-Premjijiet Internazzjonali prestiġjużi Cruceroadicto 2023.
L-451 portijiet nominati se jkollhom l-opportunità jippreżentaw l-isbaħ vapur, cruise liner u port li għandhom f’pajjiżhom. Il-votazzjoni fetħet fit-2 ta’ Ottubru u se tibqa’ miftuħa sal-ewwel ftit ġimgħat tal-2024.
Imbagħad f’Jannar se jiġu żvelati l-aqwa tliet finalisti, u din il-komptezzjoni tilħaq il-qofol tagħha l-Ħamis 25 ta’ Jannar meta jitħabbru r-rebbieħa uffiċjalment waqt ċerimonja f’Madrid.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li dan huwa unur li l-Port storiku tal-Belt Valletta qed jiġi rikonoxxut. Huwa tenna li qed jistennew bil-ħerqa r-riżultat finali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Calyton Bartolo spjega li l-istorja u s-sbuħija tal-Port il-Kbir, jagħmlu wieħed mill-aktar portijiet li jiġbed l-għajn fil-Mediterran. Il-Ministru temm jgħid li dawn l-avvenimenti jkomplu jkabbru l-prospetti ta’ Malta fil-qasam tal-cruise lining.