Żar għall-ewwel darba pajjiżna il-bastiment CMA CGM Jacques Saade.
Dan il-bastiment, li wkoll għamel l-ewwel waqfa f’port fl-Ewropa, huwa wieħed rivoluzzjonarju, hekk kif li jaħdem bil-gass minflok fuels tradizzjonali li jniġġsu.
Fil-fatt l-użu tal-LNG f’dan il-bastiment iwassal għal tnaqqis ta’ 99% fl-emissjonijiet tad-dijossidju tal-kubrit, tnaqqis ta’ 85% fl-emissjonijiet tad-dijossidju tan-nitroġenu, u tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju b’20%. Barra minn hekk, il-vapur huwa attrezzat ukoll li jaħdem f’portijiet bis-sistema li jitfi l-magni u jaħdem bl-elettriku meta jkun sorġut.
Preżenti għal din il-wasla kien hemm Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, akkumpanjata mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg u l-Ambaxxatrici Franċiża għal Malta Brigitte Curmi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Port Ħieles, is-Sur David Magro stqarr li bħalissa qed isir xogħol biex iżjed vapuri b’teknoloġija tal-LNG jibdew jgħaddu lejn pajjiżna u jsorġu fil-Port Ħieles.
Matul din is-sena sa Settembru laqa’ 1,135 vapur u mal-1.6 miljun kontejner. Iktar minn 97,000 kontejner kienu destinati lejn is-suq domestiku Malti.