Il-prekawzjonijiet fil-Port Ħieles bdew malli feġġ il-Coronavirus fiċ-Ċina.
Malli l-virus wasal l-Ewropa żdiedu l-miżuri, biex is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll tar-residenti Birżebbuġin tkun mħarsa bl-aħjar mod possibbli.
David Magro, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles, qal illi meta l-virus kien għadu ‘l bogħod minn xtutna, qabel ma kull vapur jidħol fl-ibħra Maltin, il-kaptan kien jassigura li kull membru tal-ekwipaġġ jinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa.
“Barra minn hekk, b’ħidma konġunta li saret minn naħa tat-terminals ukoll, fuq kull vapur li jidħol li jiġi hawnhekk qed jitla’ medic fejn jinvista l-crew kollha biex jara jekk għandhomx deni. Wara li jsir dan l-eżerċizzju tingħata l-clearance biex jibda jsir ix-xogħol. Xorta però ma jkunx hemm taħlit bejn il-crew tal-vapur u n-nies li jaħdmu ġol Freeport”
Apparti li waqfu l-inżul tal-ekwipaġġ minn fuq il-vapuri, il-korporazzjoni introduċiet appart li jaqra t-temperatura tal-ġisem fid-daħliet li minnhom jidħlu l-ħaddiema.
Il-Kap tas-Sigurtà tal-Port Ħieles, Clayton Fiteni, spjega kif il-ħaddiema tas-sigurtà ingħataw taħriġ biex jassiguraw li kull min jirfes l-art tal-Port Ħieles ikun f’saħħtu.
“Ħadna ħsieb li nagħtu ingwanti lil kull ħaddiem kull darba li jidħol xogħol kif ukoll maskli protettivi, kif ukoll trejnajnihom minħabba l-fattur li jista’ l-maskli, il-protection li ttik, jekk tużaha b’mod ħażin taf taħdem kontrik”
Il-Ministru responsabbli mill-awtorità Julia Farrugia Portelli qalet li dawn il-miżuri kienu mportanti ħafna għall-benefiċċju tal-ħaddiema iżda wkoll għar-residenti ta’ Birżebbuġa.