Il-populiżmu tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, wassal biex fi ftit sigħat uża l-facebook biex xerred fake news jew aħbarijiet li lanqas biss kienu fattwali jew għadhom validi.
L-ewwel li beda kien bl-infrastruttura, fejn flimkien ma’ poeżija xerred ħofra forma ta’ qalb.
Dan biex jipprova jxejjen ir-rekord ta’ investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. Saħansitra Delia kiteb “F’pajjiż fejn xejn mhu normali… anke t-tarmak għandu qalb bħalek u bħali.”
Iżda, li mhux normali, li eks Kap tal-Oppożizzjoni jxerred il-fake news b’dan il-mod.
U suppost kien jaf għax it-Times of Malta kienu diġa’ għamlu artiklu jiem qabel, kif din il-ħofra mhix Malta u tinxtered madwar id-dinja f’kull jum San Valentinu.
Iżda, din ma kinetx l-uniku okkażjoni.
Ftit wara li l-Gvern ħabbar għajnuna ġdida lill-first time buyers, għaxar t’elef ewro f’għaxar snin ingħaqad ma’ kelliema oħra tal-Partit Nazzjonalista li ppruvaw ikunu negattivi dwar din il-miżura kbira għal first time buyers.
Għal dan il-għan prova juża l-miżura tal-HSBC li titlob depożitu ta’ għoxrin fil-mija u mhux għaxra fil-mija.
Li ma ndunax li l-HSBC kien diġa’ rtira l-miżura wara li banek oħra kienu ddikjaraw li huma mhumiex se jbiddlu r-regoli tagħhom.
Iżda, fil-politika tal-Facebook li Delia u sħabu tal-Partit Nazzjonalista jhedew fiha, l-aħħar li qed jagħmlu jiċċekjaw il-fatti.