- Busuttil bi skema mibnija fuq fatti żbaljati
Għall-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waħda mill-problemi ewlenin ta’ Għawdex hi li l-popolazzjoni qiegħda tonqos, iżda meta jgħid li din hija problema, Simon Busuttil juri kemm ma jafx x’inhu jgħid, għax il-popolazzjoni ta’ Għawdex, tiżdied qiegħda, mhux tonqos.
Dan jirriżulta miċ-ċensimenti li saru f’dawn l-aħħar snin li juru żieda konsistenti fil-popolazzjoni ta’ Għawdex.
Waqt attività fin-Nadur nhar il-Ħamis filgħaxija Simon Busuttil qal li l-mira tiegħu hi li jagħti inċentivi finanzjarji biex il-popolazzjoni ta’ Għawdex tiżdied minn 30,000 għal 33,000. Id-dikjarazzjoni ta’ Simon Busuttil turi li lanqas biss indenja ruħu jiċċekkja kemm hi l-popolazzjoni fil-preżent. Fil-fatt, skont l-aktar Demographic Review riċenti maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li l-popolazzjoni residenti f’Għawdex, fis-sena 2014 kienet tlaħħaq 31,592. Dan huwa 1,592 aktar milli qal Simon Busuttil.
Dan ifisser li aktar min-nofs it-tkabbir fil-popolazzjoni Għawdxija li qiegħed ‘jimmira’ għalih Simon Busuttil fil-verità diġà seħħ u żgur li m’hemm l-ebda ħtieġa ta’ skema ta’ pagament ta’ rilokazzjoni.
Stħarriġ li għamel KullĦadd juri bl-aktar mod ċar li f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda regolari fil-popolazzjoni Għawdxija. Jirriżulta wkoll li l-popolazzjoni Għawdxija kienet 30,000 (kif qed jgħid Simon Busuttil li hija llum) madwar 20 sena ilu.
Mill-istess stħarriġ jirriżulta li f’dawn l-aħħar tletin sena, il-popolazzjoni f’Għawdex kibret bi kwazi 6,000 persuna jew bi 23%. Fil-fatt, skont iċ-ċensimenti li saru f’dawn l-aħħar snin, fis-sena 1985 il-popolazzjoni ta’ Għawdex kienet 25,682. Il-popolazzjoni żdiedet għal 29,062 fl-2005, għal 31,143 fl-2011 u għal 31,592 fl-2014.
Biex ‘Għawdex ma jibqax gżira tal-anzjani’ Simon Busuttil qiegħed iwiegħed inċentiv ta’ 10,000 ewro lil dawk il-familji li jmorru joqogħdu b’mod permanenti f’Għawdex. Meta fil-bidu tal-kampanja elettorali Simon Busuttil kien mitlub jagħti dettalji dwar din l-iskema, għal aktar minn darba qal li d-dettalji kienu se jingħataw fl-ewwel mitt jum ta’ amministrazzjoni ġdida mmexxaija minnu.
L-istess mistoqsija saret lil Simon Busuttil waqt id-dibattitu tal-Università nhar l-Erbgħa li għadda. Għal darb’oħra Simon Busuttil naqas li jwieħeb u qal biss li d-dettalji se jkunu fil-Manifest Elettorali li sal-lum għadu mhux lest. L-iskema ta’ 10,000 hija waħda mill-mitt proposta li qiegħed jagħmel Simon Busuttil għal Għawdex, proposti li jinkludu proġetti li diġà qegħdin isiru fosthom id-djar tal-anzjani f’Għajnsielem, il-mużew ta’ Għawdex u l-pixxina magħluqa.