Skont il-ġurnal POLITICO, Laura Codruţa Kövesi, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-UPPE, indikat li l-aġenzija qiegħda tikkunsidra tieħu passi fil-Qorti kontra t-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea, li ġejja mill-Partit Popolari Ewropew, dwar tnaqqis fil-baġit tagħha.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni qed thedded il-ħila operattiva tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li twaqqaf biex jinvestiga u jipprosekwixxi reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, inklużi korruzzjoni u frodi, anke dawk tal-VAT bejn il-pajjiżi.
Matul din l-aħħar sena, dan l-Uffiċċju ġie mgħoddi każi kbar, b’mod partikolari dak tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu esponenti għolja tal-Partit Popolari Ewropew, inkluż dawk fin-negozjati dwar ix-xiri tal-vaċċin Pfizer fil-pandemija.
Investigazzjonijiet ta’ profil għoli bħal dawn jenfasizzaw il-ħtieġa għal riżorsi biżżejjed biex jappoġġaw il-mandat tal-UPPE, li dejjem qiegħed jikber.
Kövesi lmentat li dan it-tnaqqis fil-baġit se jfixkel b’mod sever l-effikaċja tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, liema mossa qed tiġi interpretata bħala mezz biex il-Kummissjoni ssikket lill-Prosekutur Ewropew fil-każ tal-Popolari.
Kövesi saħansitra ħadet l-okkażjoni biex tirrimarka li l-Kummissjoni għandha tastjeni minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għan tat-Trattat fdat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-ġlieda kontra r-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Din id-deċiżjoni ntlaqgħet b’reżistenza mhux biss minn Kövesi, iżda wkoll minn korpi u uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea li qed jargumentaw li dan it-tnaqqis fir-riżorsi se jdgħajjef il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi li jinvolvu l-fondi tal-Unjoni, waqt li qed joħloq sfida sinifikanti għall-indipendenza ta’ dan l-Uffiċċju tant importanti.
Iżjed minn hekk, din it-tilwima tixħet dawl fuq it-tensjonijiet akbar fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej rigward l-obbligu ta’ rendikont u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-blokk.
Din il-mossa minn rappreżentanti tal-EPP, li hu mmexxi minn Manfred Weber, Simon Busuttil u Roberta Metsola, tkompli turi l-ipokrezija.
F’Malta jitkellmu dwar is-saltna tad-dritt u l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet jaħdmu bir-riżorsi kollha meħtieġa, iżda mbagħad fi Brussell jaġixxu b’mod differenti. L-għan tagħhom jibqa’ dejjem l-avvanz personali u karigi għoljin fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll li jibqgħu ggranfati mal-poter.