Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa wera ruħu dgħajjef quddiem il-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-eks Kap Simon Busuttil.
F’dik li kienet l-ewwel reazzjoni 48 siegħa wara l-publikazzjoni tal-Inkjesta Maġisterjali, Adrian Delia ħareġ għonqu għall-kelliem ewlieni tiegħu għall-ġustizzja u insista li Jason Azzopardi m’għandu ebda responsabbilità x’jerfa’.
Dan minkejja li Jason Azzopardi għamel allegazzjonijiet foloz meta akkuża lill-Prim Ministru, lill-Brigadier u lill-membri tal-Forzi Armati bi qtil volontarju ta’ immigranti u talab li jintbagħtu għomorhom il-ħabs.
Issa li hemm dikjarazzjoni ta’ Qorti li l-kelliem ewlieni ta’ Delia iffirma din id-denunzja kriminali mingħajr ma kellu ebda provi, il-poplu kollu kien qed jistenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni jieħu l-passi meħtieġa.
Iżda Delia għal darb’oħra ċeda għal Jason Azzopardi u minflok qal li għandu jkun il-Prim Ministru li jitlob apoloġija.
Il-poplu mhux se jinsa li l-kelliem ewlieni tiegħu pprova jweġġa’ numru ta’ persuni b’allegazzjonijiet ta’ reati serji li huma qatt ma wettqu.
Delia jippriedka ħafna fuq il-governanza iżda jfalli f’kull okkażjoni li jkollu biex juri kemm verament jemmen fiha.
Il-poplu se jkun qed jiġġudikah.