Fi żmien ta’ disa’ ġimgħat, il-poplu Malti u Għawdxi ġabar is-somma ta’ €358,366 għal poplu Ukren.
Dan intqal fi stqarrija minn Caritas Malta, hekk kif qalet li din hija waħda mill-inizjattivi tal-Knisja f’Malta biex tgħin lill-poplu Ukren, hekk kif dawn għaddejjin minn gwerra.
Intqal kif din il-maratona ġbir ta’ fondi tmexxiet minn Caritas Malta, fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex.
F’din l-istqarrija ntqal kif dawn id-donazzjonijiet ingħataw minn individwi, paroċċi, skejjel, kumpaniji u entitajiet oħra li wasslu d-donazzjonijiet tagħhom għand Caritas Malta.
Dawn il-flus miġbura mill-Maltin se jkunu qed imorru għand Caritas Internationalis, li bħalissa tinsab tagħti l-għajnuna għal dawk li għandhom bżonn affarijiet bażiċi. Caritas Internationalis bħalissa qed tgħin kemm lill-poplu Ukreni u anki r-refuġjati fil-Polonja, il-Moldova u r-Rumanija.

