Il-pantomina li qed isseħħ ġewwa d-Dar Centrali u l-kummiedji kbar li huma għaddejin fil-Partit Nazzjonalista juruna biċ-ċar li dan il-poplu huwa għaqli ferm fl-għażliet tiegħu.
Il-poplu Malti ma tiċċajtalux bil-futur tiegħu u lanqas ser iħallik tgħaddieh minn għajn il-labra. Huwa għalhekk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-poplu Malti reġa’ għamel għażla għaqlija u għażel li jaghti maġġoranza ikbar lill-Partit Laburista. Dan mhux b’kumbinazzjoni iżda għaliex il-poplu Malti nduna li fl-aħħar erba’ snin immexxija minn Joseph Muscat, pajjiżna qabad id-direzzjoni li għal ħafna snin kien mixtieq minnha. Ghalhekk, il-gideb kollu u l-ħmieġ li ppruvaw jitfgħu fuq il-Gvern, ġiehom kollu f’wiċċhom għaliex l-għażla kienet waħda ċara aktar minn qatt qabel fl-istorja Maltija.
Illum dan il-poplu bieżel u għaqli għandu raġun biex ibiegħ li jkun irrabjat lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li dan l-aħħar irrimarka li donnu l-għażla tal-poplu li jerġa’ jivvota lill-Gvern Laburista kienet waħda mgħaġġla u deċiżjoni għamja.
Il-verità hija waħda sempliċi ħafna. Verità li tal-PN u Busuttil ma jistgħux iniżżluha. Il-poplu reġa’ vvota lill-Gvern Laburista għaliex jaf li dan huwa Gvern li lilek iridek tirnexxi u tkun ta’ suċċess. Gvern li jifraħ bis-suċċess tiegħek u Gvern li jagħtik l-għodda kollha biex inti tirnexxi. Gvern li ma jħalli lil ħadd warajh iżda jaħseb għal kulhadd. Gvern li għandu Prim Ministru li jżomm l-kelma tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista huwa mfarrak. Dan qed narawh fil-beraħ illum xahrejn wara li l-popli vvota. L-għaqal fid-deċiżjoni ta’ kif jivvota dan il-poplu tkompli toħroġ biċ-ċar illum xahrejn wara, fejn il-poplu Malti, qatt u qatt ma seta’ jkun jaf id-diżastru li kien verament jinsab fih il-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex tal-PN żammew kollox mistur iżda llum, waqt il-kampanja għal kap ġdid tal-Oppożizzjoni, ħarġu fil-beraħ u nfetħu l-purtieri kollha li juru l-istat “miskin” li jinsab fih il-Partit Nazjzonalista. Stat li juri partit li kien maħkum u ser jibqa’ maħkum minn klikka li int kemm int Nazzjonalist, lesti jkissruk u jbiċċruk jekk ma tkunx fl-għażla taggħom. U għalhekk l-għerf ta’ dan il-poplu fl-ghażla tal-Gvern tiegħu turi kemm il-poplu Malti seta’ jobsor li fil-Partit Nazzjonalista kien hemm biss partit ta’ gideb u falzità, partit imdawwar b’nies li ħatfu u belgħu kemm felħu bil-familji kollha tagħhom fil-25 u għoxrin sena li għamlu fil-Gvern.
L-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-PN ser iġġib biss firda akbar fejn ser tħalli tliet kontestanti li jkunu telliefa b’tomgħa morra li tkun esperjenzat il-ħdura interna li għadha teżisti fil-PN. Dan kollu jwassal għal Oppożizzjoni distrutta u li kellha Kap li sab partit imkisser u issa ser iħalli partit, grazzi għal politika vendikattiva li mexa fuqha, aktar imkisser minn qatt qabel. Kap tal-Oppożizzjoni li ma kienx kapaċi jiżvela l-istat li kien jinsab fih il-Partit tiegħu għaliex ħaseb li bil-gideb u kliem vojt tista’ terbaħ elezzjoni ġenerali.
Madankollu, filwaqt li qed naraw ġrajjiet xejn sbieħ fir-rigward tal-politika interna tal-Partit Nazjzonalista, min-naħa l-oħra għandna nkunu kburin li f’pajjiżna għandna Gvern u Prim Ministru li qed imexxu lil dan il-pajjiż fi triq ta’ suċċessi kbar. Triq li lil dan il-pajjiż ser tgħamlu l-aqwa fid-dinja.