Is-Sibt filgħaxija l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż wasslu l-messaġġ tagħhom għal dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Bħala parti mill-inizjattiva Milied Flimkien fi Pjazza Kastilja ttellgħet attività mill-isbaħ u festiva, anke bis-sehem tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta u kor tat-tfal.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, anke biswit ir-raġel tagħha Dr. Anthony Spiteri Debono, tkellmet fuq l-għaqda.
“Din is-sena kien hemm żewġ anniversarji importantissimi għall-polu tagħna, l-Indipendenza u r-Repubblika u wrejna f’dawn iż-żewġ anniversarji illi aħna konna magħqudin xħin seħħu u għad hemm l-għaqda fostna.”
Il-President ta’ Malta
Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat minn martu Dr. Lydia Abela u binthom Georgia Mae, semma kif il-poplu Malti għandu ħafna aktar x’jgħaqqdu milli jifirdu.
“Dan il-poplu għandu ħafna u ħafna aktar x’jgħaqqdu milli jifirdu. X’hemm isbaħ milli f’dawn iż-żminijiet inkomplu niċċelebraw il-familja. Dak il-valur tant importanti illi ngħid li għandna d-dover li nibqgħu nsaħħuh, il-ferħ li ġġib magħha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa għamel anke referenza għall-inizjattiva Rigal b’Imħabba u kif dawk l-eluf ta’ rigali li twasslu b’imħabba min-nies se jferrħu ħafna u ħafna tfal.
Ma naqasx li l-Prim Ministru anke wassal messaġġ b’saħħtu ta’ paċi.
“Għall-2025 għandi t-tama, dik it-tama li titwieled minn realtajiet u minn ċirkostanzi differenti illi nemmen li verament l-2025 tista’ tkun dik is-sena li nerġgħu lura lejn il-bidu tan-normalita u l-paċi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem bosta nies li nġabru għal din l-attività, anke wasslu l-messaġġ tagħhom l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech akkumpanjat minn martu Ann Marie u anke l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna. Fid-diskorsi tagħhom spikkat ukoll it-tema tal-paċi, kemm fil-familji tagħna, f’pajjiżna u anke fid-dinja.