In-nies huma mimlijin kuraġġ u lesti li jadattaw għall-miżuri intenzjonati li jkomplu jħarsu s-saħħa tagħna, u fl-istess waqt iħallu n-negozji joperaw.
Dan kien kliem il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq l-istazzjon ONE, jumejn wara li l-istabbilemti tal-ikel u tas-sbuħija fetħu mill-ġdid. “Huma lesti jadattaw għall-miżuri u għall-protokoll ġdid li fl-aħħar mill-aħħar intenzjonati li jkomplu jħarsu s-saħħa tagħna, u fuq l-istess ħin, jekk qed nitkellmu dwar ristorant, inħalluh jopera.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-suċċess ta’ kif pajjiżna kkontrolla din l-imxija ta’ Coronavirus. “Ir-riċetta tas-suċċess turik li kien il-mod kif ippreparajna, ma stennejniex l-ewwel każjiet jew li s-sitwazzjoni taħrab minn idejna qabel nirreaġixxu. Dak affettwa għaliex illum qed inkunu fuq quddiem nett li qed innaqsu l-miżuri. Għaliex tlaqna kmieni u kkontrollajna l-imxija b’mod tajjeb ħafna.”
Ftit aktar minn xahrejn wara li feġġ l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’Malta, Dr Abela qal li żdied l-ittestjar u r-rata ta’ każijiet pożittivi niżlet għal 0.7% . Dan juri li l-awtoritajiet tas-saħħa jafu x’qegħdin jagħmlu u jagħtuna pariri tajbin ibbażati fuq il-fatti.
“Għal kull miżura restrittiva li neħħejna, hemm ix-xjenza li qegħda tappoġġja l-pass li qed nieħdu. Illum tlajna għal sittin elf swab test. Ħares madwar l-Ewropa, u ara l-persentaġġi tat-testijiet mqabbla mal-popolazzjoni u ssib li ħadd mhu jagħmel it-testin intensiv li qed nagħmlu aħna.”
Il-Prim Ministru rrimarka li Malta hija sigura għax f’pajjiżna r-rata ta’ mortalità mhux biss kienet baxxa, imma anki n-numru ta’ każijiet pożittivi baqa’ baxx, tant li l-maġġoranza tal-pazjenti bil-virus setgħu jieħdu l-kura fi djarhom.
Fakkar ukoll li t-Tnejn se jerġgħu jibdew isiru ż-żjarat fid-djar tal-anzjani, u b’hekk tittaffa weġgħa ta’ ħafna.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-pakkett ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Gvern lin-negozji, li salva mal-mitt elf impjieg. Spjega li l-wage supplement li kien qed jingħata lil eluf ta’ ħaddiema se jibqa’ jingħata sakemm in-negozji jmorru lura għan-normalità.
“Issa huwa ċ-ċans li wieħed juru l-fiduċja li għandu fl-ekonomija” qal il-Prim Ministru Robert Abela, “u għalhekk, is-sett ta’ tneħħija ta’ miżuri li jmiss se nerġħu niftħu skolasajf u ċ-ċentri tal-ħarsien tat-tfal, biex dawk il-ġenituri li ngħataw il-wage supplement għax kienu d-dar, jistgħu jerġgħu joħorġu jaħdmu.”
Jum wara li l-aġenzija Ġermaniża Creditreform Rating ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal Malta, il-Prim Ministru Abela qal li dan huwa ċertifikat tar-reżiljenza tal-poplu u tan-negozji f’pajjiżna.
Huwa temm jgħid li l-għajnuna li ta l-Gvern kienet meħtieġa, u tibqa’ meħtieġa sakemm jiġi żgurat li n-negozji ma jaqgħux lura. Qal li issa huwa ż-żmien li wieħed jaġġusta bil-mod għan-normalità tax-xogħol u jerġa’ jibda jinvesti mill-ġdid, biex ir-rota ekonomika tkompli ddur għalina lkoll.