Il-poplu għandu quddiemu għażla ċara bejn min hu kredibbli u min hu inkonsistenti.
Quddiem folla sabiħa li baqgħet ħierġa sa barra t-tinda fl-Isla, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat saħaq li l-moviment li jmexxi għandu rabta mal-kelma li jagħti.
“L-Oppożizzjoni wegħdet darba, darbtejn, tlieta u vvutat mal-Gvern fil-Parlament dwar il-proġett tal-mina iżda imbagħad issa reġa’ bdielha”, saħaq il-Prim Ministru li enfasizza kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tiċħad lill-poplu fuq l-ikbar proġett infrastrutturali fl-istorja moderna tal-pajjiż.
“Jekk lesti jiċħdu lill-poplu fuq proġett aħseb u ara kemm jiġu jaqgħu u jqumu minn wegħdiet personali li jagħmlu”, saħaq Dr. Muscat.
Il-Prim Ministru spjega li d-differenza hija ċara iktar minn qatt qabel għaliex dan il-moviment meta wiegħed it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, raħħashom, meta wiegħed żieda fil-pensjonijiet, dan il-Gvern żiedhom, meta wiegħed tnaqqis fit-taxxi, dan il-Gvern naqqas it-taxxi.
Hawnhekk il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern Nazzjonalista tal-2008 li kiseb b’mandat b’maġġoranza bi żbrixx wiegħed tnaqqis fir-rata tat-taxxa tad-dħul iżda imbagħad xahrejn wara li ġie elett saħaq li ma tistax issir.
Intant il-Prim Ministru tkellem dwar l-isfidi fit-traffiku u qal li aħna rridu naslu f’punt li ċ-ċittadin tant jiġi inċentivat biex juża t-trasport pubbliku, li dan is-servizz mhux biss ikun b’xejn iżda l-istess ċittadin jiġi kkumpensat talli ma jużax karozza.
“Ejja nibdew bl-ewwel viżjoni li t-trasport pubbliku b’xejn, imbagħad waħda tibni fuq l-oħra”, qal il-Prim Ministru li saħaq ukoll kif biex din il-viżjoni titwettaq pajjiżna jrid jibqa’ jirreġistra surplus.
Spjega kif pajjiżna jrid ikun minn tal-ewwel li jaqleb għall-karozzi elettriċi u dan kollu qed imur id f’id mal-investiment li qed isir fit-toroq ta’ pajjiżna fuq medda ta’ seba’ snin.
Fl-Isla, il-Prim Ministru indirizza wkoll lill-pensjonanti li kien Gvern Laburista li daħħalhom u llum dan il-moviment ma jistrieħx fuq miżura li introduċa snin ilu iżda baqa’ jtihom żieda wara li l-pensjonijiet għamlu ħamsa u għoxrin sena ffriżati taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Il-Prim Ministru sostna li ż-żidiet li sa issa ta’ dan il-Gvern lill-pensjonanti m’huma xejn għaliex fadal ħafna iżjed x’jagħtihom.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal ukoll li l-ħsibijiet inkonsistenti tal-Oppożizzjoni ta’ Adrian Delia jmorru lil’hinn billi l-ewwel jitkellmu kontra l-barranin f’pajjiżna imbagħad iridu li Malta ssir ċentru tal-immigrazzjoni.
“Huwa għalhekk li l-viżjoni hija importanti għaliex preżentament ma tistax tieħu lill-Oppożizzjoni bis-serjetà fuq diversi oqsma”, qal Joseph Muscat.
Bin-nies ħerqana tisimgħu, il-Prim Ministru qal li fl-ambjent l-aktar kwistjonijiet kontroversjali huma fuq deċiżjonijiet li jittieħdu dwar artijiet barra ż-żona tal-iżvilupp li jmorru għall-2006.
Semma wkoll iż-żidiet lill-għalliema u kif dawn filfatt mhux naqqsu fis-settur edukattiv iżda l-istatistika turi iswed fuq l-abjad li n-numru ta’ għalliema żdiedu.
Il-Prim Ministru rrikonoxxa li mhux kollox huwa ward u żahar u għalhekk fadal x’nindirizzaw.
“Il-faqar m’huwiex perċezzjoni kif kien jgħid ħaddieħor, naqqasnih imma għadna rridu neqirduh għal kollox u għalhekk dan il-moviment fadallu x’jagħmel u mhux se jistrieħ qabel ma jibqax persuna waħda fil-faqar”, sostna Dr. Muscat.
Il-Prim Ministru temm jgħid li huwa ma jiddejjaq xejn jiġi quddiem il-poplu u joqgħod għall-ġudizzju tiegħu.
“Ħaddieħor ma riedx li ssir elezzjoni tal-Kunsill Lokali fi tlieta u għoxrin lokalità bil-għan li dawn in-nies lanqas joħorġu jivvutaw ukoll għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew”, qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru appella wkoll lill-votanti Nazzjonalisti li jħossuhom imweġġa’ li l-partit tagħhom ma ħariġx biżżejjed kandidati u qalilhom biex joħorġu jivvutaw flimkien mal-poplu inġenerali lil dan il-moviment li għandu tassew Malta f’qalbu.