Il-Belt li qatt ma torqod illu kienet iddominata minn diqa u skiet taqgħu b’sikkina hekk kif il-poplu Amerikan fakkar it-18-il sena mill-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru, tal-2001.
Bħal kull sena, l-ismijiet tal-2,900 vittma nqraw barra n-9/11 Memorial and Museum fil-preżenza ta’ bosta qraba, membri mill-forzi tal-ordni tal-pajjiż, u anke persuni li 18-il sena ilu raw il-ġrajja kiefra tiżvolġi quddiemhom għajnejhom.
Il-qari tal-ismijiet tal-vittmi kien segwit minn 6 waqtiet ta’ silenzju li fakkru pass pass l-avvenimenti mdemmija, mill-ħabta tal-ewwel ajruplan fl-ewwel torri tal-World Trade Centre, għall-mument li t-tieni u l-aħħar torri ġġarraf għalkollox. Il-folla fi New York fakkret ukoll l-attakki li saru fuq il-Pentagon f’Washington u fl-attakk tat-titjira numru 93 li ġġarfet f’Pennsylvania.
Il-President Amerikan Donald Trump żamm minuta silenzju fil-White House fil-preżenza ta’ bosta qraba tal-vittmi tal-attakki.
Fuq il-midja soċjali spikkaw ukoll bosta kummenti minn madwar id-dinja li estendew is-solidarjetà mal-memorja tal-vittmi u qrabathom fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat li fi tweet sellem il-memorja tagħhom.
We all recall where we were the moment we learnt of #September11 attacks. We remember the victims and stand by the families -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) September 11, 2019