Popemobile użata minn Papa Franġisku se tkun qed tinbidel fi klinika mobbli sabiex tgħin it-tfal ta’ Gaza.
L-organizzazzjoni tal-Caritas spjegaw li, fuq talba speċifika tal-Papa nnifsu, din il-vettura se tkun qed tiġi attrezzata b’dak kollu neċessarju għall-kura f’żona ta’ gwerra. Fiha se jkun hemm testijiet rapidi, kits biex isiru punti, ossiġnu, vaċċini u friġġ żgħira biex fiha tinżamm il-mediċina.
Il-Vatikan qal li din kienet waħda mill-aħħar xewqat tal-Papa għat-tfal ta’ Gaza qabel ma miet.
Bħalissa l-vettura tinsab Ġerusalemm u se tkun tista’ tiddaħħal Gaza meta u jekk Iżrael jerġa jippermetti li tiddaħħal għajnuna umanitarja.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ Caritas Sweden, Peter Brune, qal li b’din il-vettura se jkunu jistgħu jintlaħqu tfal li sal-lum m’għandhom l-ebda aċċess għall-kura u li jinkludu dawk fi stat ta’ malnutrizzjoni jew feruti.
Grupp ta’ tobba se jkunu qed joperaw din il-mobile clinic li permezz tagħha se jkunu jistgħu jeżaminaw u jitrattaw pazjenti filwaqt li se tkun qed tinstaq minn xufier allokat apposta.