Permezz t’investiment ta’ erba’ miljun ewro se jkun qed jingħata lura l-pont magħruf bħala l-Pont tax-Shell f’Birżebbuġa, lir-residenti kollha ta’ din il-lokalità.
Dan il-pont kien parti mill-impjant tal-wieħed u tletin ta’ Marzu, li fix-xhur li għaddew ingħalaq sabiex jagħti aktar nifs nadif għar-residenti.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli b’sodisfazzjon ħabbret li dan il-pont issa se jkun żona pedonali b’numru ta’ faċilitajiet anke bi spazju għall-għawwiema.
Hija spjegat kif dan l-investiment huwa parti minn ħidma akbar tal-Gvern sabiex jagħti lura spazji lir-residenti.
Qalet, “Bdejna mall-ewwel mill-pont tax-Shell li huwa landmark għan-nies ta’ Birżebbuġa u tal-madwar, li kien għal diversi snin, jintuża biex jitrasporta l-fjuwil mill-vapuri għal ġol-impjnat tal-ħażna tal-fuel, u li issa rridu naraw li jkun miftuħ għall-pubbliku b’mod innovattiv u b’mod isbaħ biex in-nies ta’ Birżebbuġa u l-madwar ikunu jistgħu jużawh.”
Għal dan il-proġett, se tkun qed titneħħa l-infrastruttura li għandha x’taqsam mal-fjuwil, u wara dan se tkun qed tinbena struttura ġdida sabiex issir iż-żona pedonali.
Il-Perit Shaun Buttigieg, spjega kif minkejja din il-kostruzzjoni, dan kollu se jkun qed isir bl-ambjent fiċ-ċentru ta’ kollox.
Spjega, “Tajjeb li nsemmu li għalkemm huwa proġett imdaqqas, il-metodu ta’ kostruzzjoni u assembly huwa wieħed sostenibbli mmens għax il-partijiet tal-proposta se jiġu mibnija f’post addattat u wara, kemm jintrama on-site. Ovjament dan se jkollu impatt pożittiv fuq l-ambjent u l-ħajja ta’ kuljum tal-madwar.”