Fiż-żmien li ġej Infrastruttura Malta se tibda xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-pont ta’ bejn Ħal Qormi u l-Marsa li minn fuqu tgħaddi l-Marsa-Ħamrun Bypass.
Ikkonferma dan kelliem għal Infrastruttura Malta fi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ ONE News. Spjega li bħalissa għaddejjin studji tekniċi simili għal dawk li saru fuq il-pont tal-Mistra. Fil-fatt kien spjegat kif il-monitoraġġ, it-tiswija, it-tisħiħ u l-manutenzjoni tal-pontijiet, mini u strutturi oħra tas-sistema tat-toroq ta’ Malta u Għawdex huwa proċess kontinwu li ma jaqta’ xejn.
Ftit tal-ġimgħat ilu, Infrastruttura Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ tisħiħ tal-istabbiltà tal-Pont tal-Mistra, wara li studji tekniċi wrew li partijiet minn din l-istruttura – li jmorru lura mal-130 sena – kienu f’periklu li jċedu. Fil-fatt fost ix-xogħlijiet inbnew mill-ġdid il-ħitan tal-pedamenti tal-pont li fuqhom tistrieħ il-karreġġjata tat-Tramuntana, mix-Xemxija għall-Mellieħa. Fl-istess waqt it-triq kollha fuq il-pont ingħatat wiċċ ġdid ta’ asfalt waqt li ġew installati wkoll crash barriers li jħarsu lil dawk li jkunu għaddejjin minnha f’każ ta’ inċident. L-istudji tekniċi fuq dan il-pont għadhom għaddejjin, sabiex jibdew xogħlijiet ta’ tiswijiet u restawr tal-kumplament tal-istruttura.
Issa, l-istess sistema qed tintuża għall-pont ta’ bejn Ħal Qormi u l-Marsa, li minn fuqu tgħaddi l-Marsa Ħamrun Bypass. Dan bil-għan li tkun żgurata l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ dan is-sit li fl-aħħar xhur tqajmu mistoqijiet daru. Fl-istess waqt, il-kelliem ta’ Infrastruttura Malta spjega li l-istess entità għandha fil-pjani tagħha li ssaħħaħ bosta strutturi oħra.
Fost dawn, dalwaqt se jibda proċess sabiex isir xogħol ta’ manutenzjoni u installazzjoni ta’ sistemi ta’ dwal u ta’ saħħa u sigurtà fil-mini li minnhom jgħaddu toroq ewlenin, jiġifieri dawk ta’ Ħal Kirkop, Bormla, Santa Venera, San Ġiljan u Tal-Qroqq.