Roberto Galea li ilu sbatax-il sena fil-Polonja u ħadem ta’ ġurnalist f’dan il-pajjiż, tkellem ma’ ONE News u saħaq li minkejja dan il-qtil brutali, il-Pollakki mhux jaraw f’dell ikrah il-Maltin inġenerali.
Qal, “Irridu nifmhu l-ewwelnett li dan huwa pajjiż ta’ erbgħin miljun ruħ, jiġifieri n-nies, il-Pollakki, isiefru, affarijiet jiġru xi kultant tajbin u jiġru xi kultant ħżiena kif sfortunatament ġara din id-darba. Kien kif semmejt sewwa inti, kien qtil ikrah ħafna, kien qtil brutali iżda minn li qed nara jiena, qed inħoss jiena, anki jiġifieri ħbieb tiegħi, kollegi tiegħi jiktbuli u jgħiduli rajthiex din il-biċċa xogħol miniex inħoss ċerta feeling ta’ “isma’ Malta huwa post perikoluż, ejja nevitaw lil Malta għax il-Maltin qattiela jew xi ħaġa hekk”. Le. Jien naħseb li qegħdin jifhmu li din kienet ħaġa ta’ darba li ġrat sfortunatament lil din it-tfajla, seta’ kien xi ħaddieħor, ovvjament din ma stidnithiex, din il-ħaġa biex tiġri lilha u setgħet tiġri lil kulħadd. Ma naħsibx li l-Pollakki as a whole qegħdin issa jħarsu lejn Malta u jassoċjaw Malta ma’ dan l-avveniment li għadu kif ġara.”
Il-ġurnalist Malti fil-Polonja saħaq li l-Pollakki rrikonoxxew il-valur tas-solidarjetà li tant hu mogħni bih il-poplu Malti, meta f’inqas minn 24 siegħa, ġabar il-flus biex jiġu koperti l-ispejjeż ħalli l-katavru tat-tfajla maqtula jintbagħat lejn pajjiżha għal difna xierqa.
Qal, “Ħafna Pollakki affettwathom b’mod pożittiv, il-fatt li Maltin iltaqgħu fi grupp daqshekk kbir, f’numru daqshekk kbir. L-ewwelnett biex nagħmlu vġili li kien hemm Tas-Sliema xegħlu x-xemgħat u ġabru dak il-flus, somma flus sabiħa biex jgħinu kemm lill-familja, kif ukoll kif semmejt inti iġorru l-ġisem ta’ din it-tfajla sfortunatament maqtula ġewwa Malta biex tiġi lura d-dar u tindifen fejn hu postha.”
Roberto Galea spjega kif il-midja Pollakka rrappurtat bi prominenza l-qtil tat-tfajla f’tas-Sliema u semma kif it-tfajla ġejja minn post f’reġjun li minnu jiġu ta’ spiss Pollakki lejn Malta.
Qal, “Din kienet tiġi minn suburb tal-belt ta’ Vrotslav fin-nofsinhar tal-Polonja. Vrotlsav għandu ukoll konnessjoni tal-ajruplan tajba ħafna ma’ Malta, jiġifieri ħafna nies biex naħseb f’dawn iż-żewġ titjiriet fil-ġimgħa, ħafna nies minn dawk l-inħawi tal-Polonja jinżlu ta’ spiss Malta għax ikun hemm l-offerti ovvjament kif nafu issa u btajjel bi prezz tajjeb ħafna biex jinżlu Malta. Jiġifieri hija destinazzjoni popolari ħafna u ngħidlek il-verità ma kont xejn sorpriż li din tiġi minn dawk l-inħawi u kienet tiġi ta’ spiss Malta għax kif qed jgħidu l-ġurnalisti Maltin din kienet tiġi ilha xi erba’ snin tiela’ u nieżla Malta.”