Kien jum il-Milied tal-1130 – ġa kważi 900 sena ilu – meta l-Konti Ruġġieru, iben missieru li kien ukoll Konti Ruġġieru u li kien ukoll ġie Malta l-ewwel darba madwar 40 sena qabel, inħatar is-Sultan Ruġġieru II (ukoll jekk l-ewwel ma kienx hemm) fil-Kattidral ta’ Palermo qrib tagħna Sqallija. Il-familja tal-konti kienet tal-Hautevilles l-aħħar min-Normanni, li bħalma għamlu Sqallija daħħlu lil Malta fl-Ewropa Nisranija bis-saħħa wara pawsa ta’ sekli f’dominju aktar Musulman.
Is-Sultan Ruġġieru fi Sqallija
In-Normanni kienu konxji tat-taħlit fit-twemmin ta’ min kien jgħix taħthom; kienu jaċċettaw ċerta tolleranza biex il-pajjiż imur ‘il quddiem sakemm kulħadd jagħti sehemu. Ir-re l-ġdid li żar Malta wkoll f’daż-żmenijiet kien perċimes tat-tolleranza. Kien jemmen fil-kultura tal-pajjiż. Waqt li l-Kruċjati kienu fl-aqwa tagħhom bi ġlied aħrax u bla ħniena bejn Insara u Musulmani fil-Palestina (fejn ukoll f’daż-żmien twieldu l-Kavallieri ta’ San Ġwann), fi Sqallija r-re l-ġdid irnexxielu jibni għadd ta’ tempji u strutturi oħra li fihom tidher l-arti, is-seħer, il-ħila u s-sengħa tal-aqwa artisti Griegi, Għarab u Ewropej Latini. L-aqwa eżempju huma x-xogħolijiet tal-mużajk fuq stil Biżantin li juru lil Kristu – probabbli l-isbaħ xbieha fil-Punent – kif ukoll l-inkoronazzjoni tal-istess re minn idejn Kristu nnifsu permezz tal-Papa Anakletu (dak iż-żmien fin-Nord il-Knisja kellha papa ieħor, maħrub, bl-isem ta’ Innoċenz II).
Dax-xogħolijiet imnebbħa mir-reliġjon dominanti Nisranija għadhom jidhru kemm fil-Kattidral kif ukoll fil-Knisja ta’ Martorana dejjem Palermo. Daż-żmien Malta kienet tagħmel parti mit-territorju Sqalli. L-armonija li ħoloq ir-re ippermettiet li l-Griegi jieħdu ħsieb il-marina filwaqt li kważi kulħadd kien jitkellem l-Għarbi – tant li għadna nużaw il-kelma kważi internazzjonali ‘Ammiral’ mill-Għarbi emir al-baħr (mexxej tal-baħar). L-Għarab kienu jieħdu ħsieb ukoll il-finanzi minħabba li kienu esperti tal-matematika. Dat-taħlit kulturali, bħalma jidher sal-lum mil-lingwa tagħna, minn kunjomna u l-ismijiet tal-irħula tagħna, wassal biex il-Maltin tal-lum huma dixxendenti diretti ta’ dit-taħlita li kienet preżenti fil-popolazzjoni rikka ta’ Sqallija żmien in-Normanni.
Il-politka li ħaddnu n-Normanni l-aktar dan is-Sultan Ruġġieru, li ġabar l-ewwel enċiklopedija ġografika tal-Mediterran, kienet l-aktar imsejjsa fuq progress, tolleranza u diplomazija. Irnexxiet għal xi żmien iżda mal-mewt tar-re fis-26 ta’ Frar 1154, il-familji l-oħra tal-madwar tħarrku bl-ikreh u kif nafu mill-istorja ż-żminijiet inbidlu – ukoll għal Malta – l-aktar meta dawn l-artijiet madwar Sqallija spiċċaw għand l-Aragoniżi u bosta Maltin qalbu d-din għal dak Nisrani.
Kultura mill-imgħoddi
Bla dubju l-wirt li ħalla s-sultan Ruġġieru – jidher li l-Imdina wkoll iddakkret mill-ilwien aħmar u abjad li wasslu sal-bandiera tagħna – baqa’ magħna fl-arti, fit-tempji, fid-dixxendenti ta’ żmienu għax ħaddan politika konxja mill-kultura. Fi żmienu kollox sar aħjar, inkluż l-ekonomija, l-opportunitajiet u s-sens ta’ bżulija fix-xogħol iżda fl-aħħar mill-aħħar is-sens u l-atmosfera ta’ Mediterran ċentrali – differenti mil-Lvant li ħareġ minnu – sawwret il-kultura li bnejna fuqha tul disa’ sekli.
Kultura ta’ ġlied kontra l-paċi
Il-forzi kollha li kienu Malta inkluż il-Kavallieri ta’ Malta ħaddmu politika ta’ ġlied kontinwu kontra l-Ottomani, sens qawwi ta’ difiża u l-kisba tar-rikkezzi b’kull mezz possibli inkluż l-iskjavitù kummerċjali. Kollox għadda: l-Imperu Ottoman sfaxxa mitt sena warajhom, id-difiża saret relattiva għax bit-terroriżmu llum l-għadu jkun taħt imnieħrek u l-ebda sur u fortizza ma żżommu, filwaqt li l-kisba tal-ġid kollu li ġabru għebet qabel telqu minn Malta, midjunin sa ruħ ommhom bil-granmastru b’kollox. Spiċċa u għadda kollox iżda ħallew warajhom gżira li saret nazzjon, binjiet u palazzi li llum fi ftit jiem oħra biss jilqgħu 28 kap ta’ stat fi ħdan Ewropa magħquda kif qatt ma kienet qabel u forsi qatt ma tkun iżjed. Iddakkarna mis-sens ta’ kburija li ħallewlna fit-tifkira tar-rebħiet tagħhom ma’ tagħna u d-determinazzjoni li b’xi mod jew ieħor insiru nazzjon sovran. Malta se tibqa’ msemmija fl-istorja tal-Brexit bħal ma kienet imsemmija wara l-gwerra u fi tmiem il-Gwerra Bierda fis-snin tmenin.
L-anqas żewġ sekli ta’ dominju kolonizzanti, u allura aktar umiljanti, ma naqqsilna dik il-kultura li ħassejna tagħmilna indipendenti – f’ilsienna, fit-twemmin tagħna, fi drawwietna u fil-valuri li jiddistingwuna mill-istess ġirien tagħna. L-Ingliżi wkoll kellhom kultura ta’ potenza marittima, daħlu f’diversi gwerer fejn anki aħna ġejna attakkati bl-aħrax u tlifna bosta nies. Iżda l-Maltin illum ħaddnu l-paċi, ikkundannaw il-gwerra, eċċellaw fid-diplomażija u għarfu jesplojtaw dak li tgħallmu – imqar bilfors – biex jagħmluh tagħhom u japplikawh b’sengħa li tagħmlilna unur.
Kburin bil-presidenza
Qatt daqs is-sitt xhur li ġejjin fl-2017 ma nistgħu nħossuna kburin bl-imgħoddi tagħna, bil-ħiliet tagħna u bis-sens strateġiku li nafu nħaddmu. Fl-istess binja tal-palazz fejn kellna nbaxxu rasna quddiemha wkoll meta ma konniex naqblu, se nilqgħu lil dawk li ħakmuna. Anzi dawwarna l-mejda u waqt li fl-1964 tlajna Londra biex inħallu l-imperu jew dak li kien fadal minnu, illum il-folja nqalbet u ta’ Londra ġejjin Malta biex jinnegozjaw kif jitilqu mill-Unjoni Ewropea…jew dak li se jifdal minnha. L-ironija tal-istorja ma tafx tmiem.
Pajjiżna mhux biss għaddej minn żmien ekonomikament sod bis-saħħa ta’ starteġiji għaqlin, talli qed iħejji b’ruħu u ġismu ħa nħallu impressjoni tajba mal-barrani u nuru lil kulħadd, inkluż lil dawk fostna li għad ma ħarġux mill-inferjorità post-kolonjali, li did-daqsxejn ta’ gżira issa immaturat u kapaċi tgħolli rasha ma’ min hu ferm akbar minnha. Nammirraw dak li qed isir b’pass imgħaġġel.
Bidla fil-Palazz tal-President
Rajna dak li nbidel fil-Palazz tal-President biex ngħollu l-prestiġju ta’ dal-post fejn ittieħdu d-deċiżjonijiet kollha li tawna d-destin tagħna, li newlulna l-viżjoni għall-futur. Fil-fatt ma nifhemx għaliex meta xegħelna dan l-aħħar il-bitħa tal-palazz ma ntbaħniex li nsejna l-arma rjali Ingliża (bħalha ġa hemm fil-Pjazza San Ġorġ fuq il-Main Guard) li kienet tiddomina dak il-bini għal kważi żewġ sekli. Ir-Renju Unit jista’ jkun se jħalli l-Ewropa imma f’Malta – qiesna qed ngħidu – se jibqa’ ħaj għax aħna għadna simbolikament nagħrfuhom bħala superjuri għalina. Sewwa jgħid l-istoriku Marc Ferro – id-dipendenza ma tintemmx mal-indipendenza.
Il-mentalità kolonjali għadha qawwija wisq f’dan l-istat repubblikan biex ma nintebħux li nkunu kemm inkunu perfetti f’dak li se nagħmlu xorta qed inbaxxu rasna – bla bżonn – għal min fil-bidu tas-seklu 19 ried ifakkarna kuljum li hawn ma nikkmandawx aħna f’darna. L-istorja sabiħa iżda hemm limitu kemm tħalliha tissimbolizza s-snes ta’ kburija tan-nazzjon tiegħek. Dik l-arma setgħet ittieħdet f’mużew (jifdal xi sitta oħra madwar il-palazz). Flokha (jekk wieħed irid ipoġġi xi ħaġa) missha tpoġġiet l-arma Maltija; illum biex issibha fil-pubbliku l-Belt trid tmur żewġ passi ‘l bogħod mill-palazz u tittawwal taħt il-warrani tar-Reġina Vittorja! Hemm biss tinsab l-arma Maltija.
Ir-ritratt f’ras il-blog juri l-bitħa tal-Palazz tal-President kif ġiet mixgħula bi tħejjija għall-Presidenza Ewropea fl-2017 – bil-Brexit b’kollox l-arma irjali Ingliża ntesiet tiddomina minn fuq il-bejt.
Fir-ritratt tal-ġimgħa li jidher hawn taħt, naraw ir-Re Ruġġieru II jiġi nkurunat minn Kristu fil-Milied tal-1130 fl-istess żmien li daħħal lil Malta mill-ġdid fi ħdan il-kultura Ewropea.