Fi ftit jiem oħra se toħroġ uffiċjalment il-verżjoni bil-Malti tal-ktieb famuż ta’ Nicholas Monsarrat The Kappillan of Malta, tradott minn Wistin Born, l-awtur tal-magħruf Is-Salib tal-Fidda. Il-ktieb fih storja mill-aktar eċċitanti, fih Malti mill-isbaħ, fih preżentazzjoni mill-aqwa … dan kollu diġà nafuh. Li ħafna ma jafux hija l-politika ta’ dan il-ktieb.
Meta kiteb ir-rumanz famuż tiegħu, Monsarrat kien jgħix Għawdex. Bdieh fl-1972, sena biss wara li Mintoff kien tela’ fil-gvern, u meta t-tmiem tal-Ingliżi f’Malta kien ġie deċiż li jkun fl-1979.
Monsarrat ma kellux demm ma’ Mintoff. Għal xi raġuni jew oħra kien jibża’ minnu. Fil-ktieb ma jsemmihx darba, ovvjament, imma hemm referenzi indiretti għal dak li Mintoff kien qed jagħmel f’Malta u f’Għawdex kif ukoll x’kien jaħseb Monsarrat fuqu.
F’pajjiżna kien qed jinqata’ l-faqar. U l-ktieb ta’ Monsarrat hekk jispiċċa, b’din l-osservazzjoni tas-sentenza finali: “Qed tara … bdejna diġà … Ħadd mhu fqir illum.”
Minkejja din l-istqarrija politika, il-ktieb hu miżgħud tifħir għall-Ingliżi li kienu ilhom seklu u nofs jaħkmu l-Gżejjer Maltin, u wkoll, fl-istess ħin, kliem ta’ kuraġġ lill-Maltin u lill-Għawdxin biex ma jaqtgħux qalbhom mill-għawġ li jista’ jiġi fuqhom. Fost dan l-għawġ, Monsarrat donnu jimplika, kien hemm dak li hu stenna mingħand Mintoff.
Monsarrat miet erba’ xhur wara Jum il-Ħelsien. Kien Malta għall-festeġġjamenti u seta’ jara b’għajnejh id-differenza kbira li diġà kienet saret f’Malta u f’Għawdex mill-1973, meta ħareġ ir-rumanz tiegħu. Lil Mintoff, però, Monsarrat ma baqax iħobbu sal-aħħar.
Il-ħruġ uffiċjali tal-ktieb Il-Kappillan ta’ Malta f’Għawdex se jsir nhar il-Ġimgħa, 13 t’April, fl-iskola primarja ta’ San Lawrenz fil-11.00 ta’ filgħodu. F’Malta se jsir ġimgħa wara, il-Ġimgħa, 20 t’April, fis-sala De La Salle, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, fis-7.30 ta’ filgħaxija, b’siltiet drammatizzati tar-rumanz.