Minn studju ppubblikat miċ-Chief Economist tal-Bank Ċentrali, Dr Aaron Grech, jirriżulta li, fl-għaxar snin wara l-2013, kien hemm trasformazzjoni sħiħa tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna, partikolarment bil-miżuri u l-inċentivi ġodda introdotti li xprunaw żewġ-terzi tal-impjiegi ġodda.
Mit-tieni l-inqas rata ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea taħt GonziPN, pajjiżna sar dak bit-tieni l-aqwa rata, anke jekk, kif jindika l-ekonomista, tali żvilupp tant b’saħħtu ma kienx mistenni.
Fil-fatt, fl-2013, istituzzjonijiet bħall-Kummissjoni Ewropea kienu qed ibassru li t-tkabbir tal-impjiegi kien saħansitra se jitnixxef iżjed, minħabba l-politika li kellu l-pajjiż dakinhar.
Fir-realtà, pajjiżna rnexxielu jżid it-tkabbir fl-impjiegi għal 5% jew 25 darba iżjed t-tbassir tal-esperti barranin.
Dr Aaron Grech indika li, fuq medda ta’ għaxar snin biss, żdiedu bi 30,000 il-Maltin li jaħdmu, jiġifieri aktar minn dak osservat fit-tletin sena ta’ qabel meħudin flimkien.
L-akbar fattur wara ż-żieda qawwija fl-għadd ta’ Maltin jaħdmu kienu l-bidliet fil-politika tax-xogħol implimentati mill-2013 ’l hawn.
Iċ-Chief Economist tal-Bank Ċentrali jsostni li dan jirrifletti inċentivi bħat-top up tal-pensjonijiet li ddaħħal fl-2016. Hu jsostni li, frott ta’ dawn il-bidliet, madwar 8,600 Malti komplew jaħdmu. Dr Grech isemmi kif riċerka preċedenti wriet li riformi, bħall-iskema tat-tapering of benefits, wasslu biex madwar 5,600 Maltin bdew jaħdmu. Minn dawn madwar 70% kienu nisa fuq dħul baxx.
Ma’ dan, Dr Grech iżid stima tal-effett taċ-childcare b’xejn introdott fl-2014, fejn innota kif id-dħul tal-iskema naqqset il-proporzjon ta’ nisa li jieqfu jaħdmu fi tliet snin wara li jkollhom tarbija.
Skont ir-riċerka tiegħu, l-iskema wasslet biex madwar 6,200 omm komplew jaħdmu.
Għaldaqstant, tnejn minn kull tlieta tat-30,000 Malti aktar li bdew jaħdmu wara l-2013, għamlu dan frott politiki introdotti mill-Gvern. Hu jsostni li l-Gvern għandu jagħti prijorità lill-programmi biex ħaddiema Maltin ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu, speċjalment billi jitjieb il-livell ta’ taħriġ u dan ikompli matul il-karriera.
Dan filwaqt li sejjaħ għal politika tax-xogħol ġdida ffokata fuq il-ħiliet ħalli l-ekonomija Maltija tkompli tikber b’mod sostnut.