Waqt intervent telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat stqarr li kull ġimgħa qegħdin nitkellmu fuq is-suċċessi li qegħdin niksbu bħala pajjiż, pajjiż li ma waqafx jimxi ‘l quddiem, pajjiż li jrid ikompli fit-triq tal-ambizzjoni fejn niksbu dejjem aktar. “Għalhekk nieħu pjaċir dejjem aktar li dawn il-fatti sostanzjati anke mill-figuri fejn erġajna qegħdin minn ta’ quddiem nett fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam ammont ta’ nies bla xogħol, imma nieħu pjaċir mhux biss l-ammont tal-qgħad, imma l-fatt li l-policies tagħna qegħdin jaħdmu,” tenna l-Mexxej Laburista.
Il-Prim Ministru spjega li fil-leġiżlatura li għaddiet, Gvern Laburista daħħal l-idea li persuna li tkun qegħdha fuq il-benefiċċji soċjali u ssib job, ma jinqatgħuliex il-benefiċċji soċjali mill-ewwel għax dik kienet xi ħaġa li kienet qed tiskoraġixxi lin-nies milli jidħlu fid-dinja tax-xogħol, imma tibqa’ tieħu l-benefiċċju soċjali.
L-iktar li qed igawdu minn din il-mizura huma nisa, spjega l-Prim Ministru filwaqt li għamel referenza għall-istatistika li din qed turi li 90% tan-nies li bbenefikaw minn din is-sistema baqgħu fid-dinja tax-xogħol. Dawn huma affarijiet li ma jiġux b’kumbinazzjoni, il-fatt li għandna qgħad daqshekk baxx, imma jiġu minħabba policies ippjanati u dak li ddeċidejna 4 snin ilu qegħdin naraw r-rizultati llum il-ġurnata, saħaq Muscat.
Joseph Muscat qal li ovvjament dak li se niddeċiedu llum se jkun qed jaffetwa s-snin li ġejjin, aħna rridu nagħmlu pajjiż futureproof, fejn naraw it-tajjeb li hawn, imma nafu li hawn problemi wkoll, nafu li hawn min ma jlaħħaqx mal-ħajja, nafu li hawn min ma jlaħħaqx mal-kera, li hija flimkien mal-housing soċjali, issue, li wara li writna sitwazzjoni diżastruża, iżda li qed naħdmu biex ikun hemm ir-rizultati li se jħallu l-effett, spjega l-Mexxej Laburista.
“Aħna nifhmu li din mhux se ssolvi kollox, nifhmu li hemm min ma jistax ilaħħaq mal-kirjiet, nifhmu li hemm kwistjoni ta’ housing f’każijiet ta’ emerġenza, imma nifhmu wkoll li sa ftit taż-żmien ilu kien hawn nies li kien jlaħħqu mal-kirjiet, u issa minħabba s-suċċess ekonomiku, il-kirjiet tagħhom żdidu u issa ma jistgħux ilaħħqu magħhom u dawn l-istess nies ma jikkwalifikawx għas-sussidji tal-Gvern għax mhumiex qegħdin bi dħul baxx ħafna. Din hi kategorja li dwarha għandu jkun hemm policies, ideat, proġetti li jrid jagħmel il-Gvern, ta’ għajnuniet li għandu jagħti l-Gvern,” saħaq Dr Muscat.
F’dan il-qasam il-Gvern diġa’ żied is-sussidju u żied lil min jagħti s-sussidju, iżda ma jistax dan kollu jmur għand sid il-kera, u għalhekk iridu nsibu metodi ġodda, għalhekk iridu nagħmlu lill-pajjiż futueproof billi ninvestu aktar, u kien ta’ pjaċir għalija din il-ġimgħa li rajt li nħarġu l-applikazzjonijiet għall-ischolarships mal-American University of Malta, qal il-Prim Ministru.
Muscat semma kif tagħmel il-pajjiż futureproof ukoll billi ddaħħal sistemi ġodda fil-Qrati, ix-xogħol li sar wassal biex jonqsu l-każijiet pendenti fil-Qrati tagħna, issue li kienet ilha s-snin. Qegħdin naħdmu dwar tindif fil-lokalitajiet, hemm ukoll iridu nippreparaw pajjiż għall-futur. Iridu nippreparaw ukoll soċjalment u huwa ta’ pjaċir għalija l-ħidma li qed isir fil-Partit Laburista permezz tal-programm LEAD biex aktar nisa jidħlu fid-dinja politika. Dan il-programm se jbiddel mhux biss wiċċ il-Partit Laburista iżda anke l-pajjiż, permezz ta’ spirtu riformist, tenna l-Prim Ministru.
Dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Mexxej tal-Partit Laburista qal li l-kummenti qed jgħadduhom in-nies ta’ madwar Simon Busuttil stess, u allura m’hemmx bżonn li wieħed jikkumenta jew jagħti xi parriri li Busuttil mhux se jkun qed jagħti każhom, temm jgħid Joseph Muscat.