“Il-politika fiha l-isfidi tagħha imma s-sodisfazzjon li tagħtik huwa wieħed kbir.”
Sostniet dan mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela waqt programm fuq ir-radju tal-Knisja, l-RTK.
Fost id-diversi suġġetti li tkellmet fuqhom , hemm il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika u s-sittax-il jum ta’ attiviżmu li għaddew ftit tal-jiem ilu u tkellmet dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jersqu lejn il-ħajja politika għax huma jistgħu jagħmlu l-akbar differenza.
“Il-politiċi għandhom rwol importanti ħafna u kemm huwa importanti li nkomplu nattiraw żgħażagħ lejn il-politika. Meta niltaqa’ maż-żgħażagħ ikellmuni dwar l-interess tagħhom li jinvolvu ruħhom u anka nirċievi messaġġi li jridu jersqu ‘l quddiem lejn il-ħajja politika u nibqa’ nappella li iktar żgħażagħ jersqu lejn il-politika għax l-akbar bidla li jġibu f’partiti politiċi u anka fit-tmexxija, jien nemmen li hija fiż-żgħażagħ.”
F’mument ħelu, meta mistoqsija dwar ir-relazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela ma’ bintu Georgia May, Dr Lydia Abela sostniet li minkejja l-impenji li jkollhom, dejjem jippruvaw isibu ħin għal xulxin.
“Robert dejjem jagħmel mezz biex isib ħin magħha. Jiġifieri jekk jiġi filgħaxija hi tibqa’ tistennieh ma jorqodx qabel ma jiġi u jgħajtilha ejja ħdejja ħa nieklu madwar il-mejda, ħa nieklu. Hi tieħu pjaċir miegħu, titkellem dwar x’għamlet l-iskola, x’ħa tagħmel u nhar ta’ Ħadd speċjalment nagħmlu mezz li nieklu kollha flimkien għaliex dak huwa l-ħin ta’ kwalità bejnietna.”
Sadanittant Dr Abela tkellmet dwar ir-rispett lejn xulxin fil-politika u lil hinn. Fil-fatt hawn irrakkontat storja ċkejkna dwar persuna li bis-saħħa tal-iskema New Hope irnexxielha ssir sid ta’ darha.
“Il-ħajja politika fiha l-isfidi tagħha però s-sodisfazzjon li tagħtik huwa wieħed kbir.”