Il-midja internazzjonali tinsab iddominata bil-Pandora Papers wara ħidma ta’ madwar sitt mitt ġurnalist minn mija u sbatax-il pajjiż differenti.
Fil-Pandora Papers hemm taħt il-lenti mas-sitt miljun u erba’ mitt elf dokument, tliet miljun ritratt, aktar minn miljun email u kważi nofs miljun database.
Fil-Pandora Papers joħroġ li hemm numru ta’ politiċi involuti li kellhom sehem jew huma diretturi jew sidien ta’ kumpaniji sigrieta.
Jissemmew fost oħrajn, ir-Re tal-Ġordan, Abdullah II, il-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky u anki l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babiš.
Dan tal-aħħar, li fi tmiem il-ġimgħa li ġej se jaffaċċja elezzjoni ġenerali, uża kumpaniji sigrieta barra pajjiżu biex bihom xtara proprjetà lussuża ta’ tlettax-il miljun sterlina, fin-Nofsinhar ta’ Franza.
Riċentament, il-Gvern ta’ Babiš kellu ħafna swaba’ ppuntati lejh dwar l-użu ħażin ta’ fondi Ewropej.
Tal-Partit Popolari Ewropew, fosthom is-Segretarju Ġenerali Simon Busuttil, riedu wkoll ipoġġu lil Malta fl-istess keffa mar-Repubblika Ċeka dwar l-użu tal-fondi Ewropej, anki jekk skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea, Malta hi magħrufa li tinvesti l-fondi b’rata aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea kollha.
Fil-Pandora Papers issemmew ukoll nies qrib il-President Russu Vladimir Putin u anki Nicos Anastasiades, il-President ta’ Ċipru.
Dan tal-aħħar kien waqqaf kumpanija legali li biha ħeba assi ta’ nies sinjuri Russi f’kumpaniji fosthom fil-British Virgin Islands.
Skont il-Pandora Papers, l-eks Prim Ministru Ingliż Tony Blair u martu frankaw fuq tliet mitt elf sterlina f’taxxa tal-boll fuq proprjetà li nxtrat f’Londra.
Din il-proprjetà kienet tiswa kważi sitt miljun u nofs sterlina u qabel is-sidien kienu ta’ kumpanija offshore, bi Blair u martu xtraw din il-kumpanija.
Mill-Pandora Papers, li jinkludu kumpaniji sigrieta fil-Panama, f’Singapore, f’Belize u fl-Iżvizzera fost oħrajn, tissemma wkoll il-familja tal-President Kenjan, Uhuru Kenyatta.
Skont dak żvelat, Kenyatta, li ddomina l-politika fil-Kenja, u sitt membri oħra tal-familja tiegħu kellhom mat-tlettax-il kumpanija sigrieta, b’kumpanija minnhom jingħad li tiswa mat-tletin miljun dollaru.