Il-Police Officers Union irreġixxiet għall-istudji li ġew ippubblikati fl-aħħar jiem dwar il-Korp tal-Pulizija u r-rata tal-kriminalità f’Malta. Sostniet li bħala unjin ma tistax ma tkunx grata għax-xogħol siewi li jagħtu l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.
“F’ċirkostanzi u sitwazzjonijiet varji, l-maġġoranza assoluta tal-uffiċjali jqumu għall-okkażjoni u jkunu pilastru sod fis-sigurtà ta’ pajjiżna, filwaqt li ta’ kuljum huma tas-servizz siewi għall-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-Unjin kompliet tgħid li l-inqas rata fil-kriminalità f’ħafna snin hi frott il-ħidma siewja u l-impenn tal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Dan kollu hu rifless fl-istħarriġ ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika meta 90% tal-poplu Malti u Għawdxi jafda lill-Pulizija.
“Dan wasal ukoll grazzi għad-djalogu kontinwu li Unjin bħal ma hi l-Police Officers Union iżżomm mal-awtoritajiet rispettivi u mat-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija nnifsu,” qalet l-entità rappreżentattiva.
Il-Police Officers Union tenniet li se tibqa’ impenjata li tara kif l-uffiċjali ħabrieka jibqa’ jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol possibbli, għodod u makkinarji effiċjenti biex jaħdmu bihom, kif ukoll li tkun imsaħħa l-ħidma kollha tal-istess uffiċjali.
Il-Police Officers Union tawgura li jkun sostnut l-impenn tal-Awtoritajiet responsabbli mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.
“Dan kollu għandu jibqa’ jsir biex pajjiżna u l-poplu jibqa’ jkollu Korp tal-Pulizija serju, b’uffiċjali determinati li jwettqu dmirijiethom skont l-aħjar abbiltajiet tagħhom.”
Aqra aktar