Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista wettaq għeġubijiet kbar.
Huwa qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-Ġimgħa filgħodu.
“Għalhekk dan il-Partit dejjem wettaq għeġubijiet kbar għal dan il-pajjiż.”
F’intervista sħiħa ta’ aktar minn tlett kwarti l-Kap Nazzjonalista kompla bil-politika tiegħu ta’ firda u negattività.
Dan speċjalment fuq is-settur tas-saħħa f’pajjiżna fejn konvenjentament naqas milli jsemmi l-waiver li taħt Gvern Nazzjonalista stess ġie ffirmat biex eżonera l-kumpanija Żvediża Skanska milli tħallas il-miljunI kbar ta’ ewro għax-xogħol ħażin li wettqet, permezz ta’ konkrit difettuż, fil-bini tal-Isptar Mater Dei.
Skanska fi Frar tal-2009, kienet iffirmat ftehim mal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi fejn fih l-istess Gvern ċeda d-dritt li jfittex lil Skanska f’każ li joħorġu xi difetti fil-proġett f’tal-Qroqq, li kien taħt ir-responsabilità tagħha.
Fl-elfejn u erbatax ġie skopert il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta l-Gvern kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Dak iż-żmien analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet iwriet li l-konkrit fil-binja tal-emerġenza ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ iż-żewġ sulari.
Riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ 150 miljun ewro mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jittranġa.
Intant, il-Ħamis, Bernard Grech saħansitra ddefenda dan kollu hekk kif naqas milli jikkundanna l-iffirmar ta’ dan il-waiver,
Saħansitra prova jixħet dubju fuq is-sewwa magħruf u li kkonfermah ukoll l-Awditur Ġenerali fl-2018 li kien ikkundanna dan il-ftehim.
“F’dan il-każ iwaħħlu f’dak li qed isejħulu waiver li qed jgħidu li kien ingħata.”
“Gvern Laburista meta tela’ fl-2013 kien tkellem dwar dak li kienu qalu li kien konkrit difettuż”