“Partit Laburista fil-Gvern mhux biss wiegħed iżda wettaq bil-fatti miżuri soċjali li jaħsbu biex jelevaw il-kwalità tal-ħajja tal-pensjonanti. F’dawn il-jiem daħlu fis-seħħ u bdew jitqassmu mat-€87 miljun f’allowances li tħabbru fil-Budget ta’ din is-sena u li minnhom se jibbenefikaw mal-119,000 ruħ.”
Qal dan fi stqarrija il-Partit Laburista b’reazzjoni għal dikjarazzjoni mill-Partit Nazzjonalista fuq dan. Intqal kif il-PN meta kien fil-Gvern għolla l-età tal-irtiar minn 61 għal 65 sena; żied il-bolol li persuna għandha bżonn b’10 snin, jiġifieri minn 30 għal 40 sena; u biddel il-mod kif jinħadem id-dħul pensjonabbli biex b’4 snin aktar xogħol u 10 snin aktar bolol in-nies xorta jieħdu pensjoni anqas.
“Bħal donnu dan ma kienx biżżejjed, tant li meta l-PN kien fil-Gvern qasam il-pensjonanti bejn min twieled qabel u wara l-1962, biex l-eluf ta’ pensjonanti tal-lum kien iggarantielhom biss żewġ terzi tal-COLA (iż-żieda tal-għoli tal-ħajja).”
Għall-kuntrarju ta’ dak li għamel il-PN fil-Gvern, il-Partit Laburista fil-Gvern introduċa bosta miżuri pożittivi fosthom neħħa l-anomalija inġusta ta’ min twieled qabel u wara l-1962; żied il-pensjonanti b’aktar minn €70 fil-ġimgħa f’10 snin; neħħa t-taxxa fuq il-pensjoni; daħħal għexieren kbar ta’ miżuri oħra għall-pensjonanti u l-anzjani; u rdoppja l-investiment soċjali fil-pensjonijiet u l-benefiċċji f’10 snin fejn illum dan ilaħħaq €1,500 miljun, tenna l-PL fi stqarrija.
“Il-pensjonanti jafu biżżejjed min veru ħaseb fihom u li l-unika garanzija għalihom hija Gvern Laburista.”